Lokali

Twissija dwar serq minn Land Rovers

Fir-Renju Unit, il-Pulizija ħarġet twissija mhux tas-soltu lis-siden tal-Land Rover Defender. Dan minħabba l-ammont kbir ta’ serq minnhom hekk kif is-sena d-dieħla se tieqaf il-produzzjoni ta’ din it-tip ta’ vettura.

Il-Pulizija qalet li hemm xi kriminali li rrealizzaw li l-ispare parts tal-Land Rover Defender se jonqsu u għalhekk kien hemm mewġa ta’ serq ta’ bonnets, headlights u saħansitra bibien u siġġijiet minn dawn il-karozzi. Dan bl-iskop li jaħżnuhom biex fil-ġejjieni jitolbu prezz għoli għalihom.

Il-Pulizija qed twissi s-sidien ta’ dawn il-karozzi biex jieħdu kull prekawzjoni li jistgħu biex jevitaw is-serq minnhom u kemm jista’ jkun matul il-lejl ipoġġuhom f’post protett jew tal-anqas ipoġġu alarm fihom.
Intqal li jidher li issa s-serq mil-Land Rover Defender infirex madwar il-pajjiż għalkemm l-akbar rapporti kienu ġejjin miz-zoni rurali.

Il-karozza hi l-favorita tar-Reġina Eliżabetta II u l-produzzjoni se titwaqqaf wara 67 sena li kienet ilha sejra. Għalkemm l-isem ‘Defender’ ilu jintuża biss mill-1990, il-mudell hu dak tal-Series I Land Rover tal-1948.