Lokali

Jiġġustifika li l-Ministru tal-Edukazzjoni jkollu aċċess għal informazzjoni sensittiva tat-tfal

L-irwol tal-Gvern mhux li jidħol fid-djar tan-nies. Kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat meta l-Ħadd filgħodu kien qed jitkellem f’attività politika f’Ħ’Attard – diskors li matulu kompla jiġġustifika l-avviż legali li permezz tiegħu l-Gvern se jkun qed jiġbor informazzjoni sensittiva dwar it-tfal sa’ minn meta jkunu għadhom fl-istadju ta’ childcare.

Il-Prim Ministru qal li fis-soċjetà jeżistu tfal vulnerabbli u biex insalvawhom mill-periklu, inħoloq avviż legali biex tinġabar l-informazzjoni dwarhom.

Joseph Muscat qal li l-ġbir ta’ informazzjoni sensittiva fuq it-tfal u ż-żgħażagħ se ssir biex isalva tfal vulnerabbli.

L-avviż legali, li jagħti lill-Ministru tal-Edukazzjoni aċċess abbużiv ta’ informazzjoni tat-tfal u studenti Maltin, ma kienx l-unika suġġett li dwaru tkellem il-Prim Ministru.

Joseph Muscat semma wkoll il-mod kif meta kien Kap tal-Oppożizzjoni ċaħad ħames mitt ewro żieda fil-ġimgħa, iżda naqas milli jsemmi l-ħatriet kollha li saru għal tal-qalba fl-ewwel sena ta’ Gvern Laburista.

Madanakollu, il-Prim Ministru fl-ebda ħin ma semma l-job li ngħatat il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi b’paga ta’ 13,000 ewro fix-xahar, il-job fi New York li ngħatat il-ħabiba ta’ mart il-Prim Ministur b’salarju ta’ 60,000 ewro fis-sena, ix-xogħol ta’ konsulenza li ngħata d-Deputat Laburista Silvio Schembri għal 38,000 ewro fis-sena, ix-xogħol ġdid tal-eks Ministru Laburista Joe Grima bħala mibgħut speċjali tal-Prim Ministru għal 35,000 ewro fis-sena, il-ħatra tad-Deputat Laburista Joe Debono Grech bħala konsulent fil-Ministeru għal Għawdex b’salarju ta’ 12,000 ewro fis-sena u l-4 promozzjonijiet fi żmien ftit ġimghat lill-ħabib ta’ Muscat Jeffrery Curmi, biex fi ftit żmien seta’ jinħatar Kap Kmandant tal-Forzi Armati.