Lokali

Marc Sant jiddefendi l-aġir tiegħu

Il-kelma li uża l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Marc Sant biex jiddeskrivi lill-President Emeritu George Abela kienet ċara: opportunist. Iżda, issa, wara li żvela l-aħbar maltarightnow.com, u wara li l-Kulleġġ Kunsilliera Lokali Partit Nazzjonalista talab għar-riżenja tiegħu, Marc Sant qed jilmenta li maltarightnow.com ma għamilx kuntatt miegħu qabel ġiet ippublikata l-istorja. Dan minkejja li dak li qal Marc Sant fuq il-President kien ċar u ma kien hemm l-ebda bżonn ta’ kjarifika.

F’ittra li bagħat bħala dritt ta’ risposta, Marc Sant iddefenda l-aġir tiegħu u kif diġa’ għamel meta wieġeb mistoqsijiet ta’ maltarightnow.com, qal li hu għandu kull dritt jgħid dak li jrid, minkejja li jġorr ir-responsabbiltà tal-kariga ta’ President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.

Fl-ittra, Marc Sant staqsa: x’hemm ħażin li persuna tesprimi l-opinjoni tagħha b’mod sottili f’pajjiż demokratiku? Kieku kont qed nitkellem f’attività tal-AKL jew ktibt fuq il-website jew fil-paġna tal-AKL kont nifhem il-punt tal-artiklu. Iżda huwa evidenti li dan ma kienx il-każ. Għalhekk, x’inhi r-relevanza li jiena bħalissa nokkupa l-kariga ta’ President tal-AKL? Għandi ningħalaq ġewwa bozza u ma jistax ikolli opinjoni? Minħabba l-kariga li nokkupa, għandi nagħlaq halqi u ma nitniffes fuq xejn?

Marc Sant għamel referenza wkoll għall-mod kif iddeskrivih it-tifel tal-President, Robert Abela. Li fuq Facebook irrefera għal Marc Sant bħala bniedem bla dekor u rispett. Fid-difiża tiegħu, Marc Sant qal li d-dekor tiegħu wrieh meta ma ħalliex l-opinjoni personali tiegħu – jiġifieri li George Abela huwa opportunist – tostakola x-xogħol tiegħu fl-AKL. Dan għaliex, fi kliemu, fl-ewwel ġimgħat meta kien fil-kariga, avviċina u ltaqa’ ma’ uffiċjali għolja fl-Uffiċċju tal-President bil-għan li jikkolaboraw flimkien. Hu qal li minkejja li bagħat bosta reminders, dan il-proġett ġie abbandunat.

Marc Sant irringrazzja lil maltarightnow.com ta’ dak li hu ddeskrivieh bħala reklam lil zijuh, Alfred Sant. Għaliex qal li fl-opinjoni tiegħu, l-eks Mexxej Laburista m’għandux x’jaqsam ma’ dan il-każ.

Il-kunsillier Laburista f’Ħal Lija attakka wkoll lill-Partit Nazzjonalista u qal li minkejja li jsostni li hu l-partit li daħħal lil Malta fl-Unjoni Ewropea, fl-istess waqt huwa komdu jkasbar lil dawk li jeżerċitaw wieħed mid-drittijiet fundamentali Ewropej – dak tal-libertà tal-espressjoni. U għal darb’oħra, qabbel lil George Abela ma’ Peter Paul Zammit, il-Kummissarju tal-Pulizija. Marc Sant attakka lil Simon Busuttil għaliex iddeskriva lil Peter Paul Zammit bħala pupazz.