Kultura Lokali

Jitfakkar it-72 anniversarju mill-għoti tal-George Cross

Fl-okkażjoni tat-72 anniversarju mill-għoti tal-George Cross lil Malta, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu – l-MTA – ikkommemorat dan il-ġieħ li kien ingħata lill-art li tatna isimha, biex tfakkar dan l-episodju storiku li jagħmel parti mill-identità nazzjonali tagħna.

Il-programm ippreżentat il-Ħadd filgħaxija, taħt id-direzzjoni artistika ta’ Charles Stroud, beda b’parata mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt.

Il-Banda tal-Armata, li kienet segwita minn stakkament żgħir ta’ re-enactors lebsin uniformijet ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, eskortat il-medalja tal-George Cross ġewwa l-Palazz tal-President.

Wara ħadu sehem is-Silent Drill Team u l-Banda tal-Pulizija li allegraw lill-pubbliku bir-rappreżentazzjonijiet u l-wirjiet tagħhom.

Il-programm kompla bil-wiri ta’ film, li dam madwar ħmistax-il minuta, li rrakkonta l-avvenimenti li seħħew matul it-Tieni Gwerra Dinjija u li wasslu biex Malta u ċ-ċittadini tagħha ġew ippreżentati bil-George Cross għall-qlubija kontra l-għadu Faxxista u Nażista.

Il-kommemorazzjoni ntemmet bi programm mużikali fuq il-palk mill-band tas-Surmast Paul Abela fejn indaqqet mużika mill-perjodu tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-medalja tal-George Cross kienet inġiebet f’Malta minn Lord Viscount Gort, li fil-bidu tas-Snin Erbgħin kien għadu kif inħatar u ntbagħat f’Malta bħala Gvernatur u Commander-in-Chief. Din il-medalja kienet ippreżentata lill-poplu ta’ Malta waqt ċeremonja li kienet saret fi Pjazza San Ġorġ il-Belt fit-13 ta’ Settembru 1942. Il-Prim Imħallef Sir George Borg kien irċieva l-medalja għan-nom tan-nazzjon Malti.