Futbol Sport

Dro f’partita ta’ botta u risposta

BALZAN……………..4
HIBERNIANS……..4

Balzan> M. Bartolo, S. Bezzina, R. dos Santos, A. Scicluna, D. Grima, K. Magro, F. Aboulezz, E. Bilbao Zarate, P. dos Santos Calcado, L. Micallef, J.L. Armario Negrin

Hibernians> D. Balzan, R. Camilleri, J. Pearson, I. Radusinvoic, B. Kristensen, C. Failla, Z. Levnajic, J. Lima, O. Obiefule, E. Luis dos Santos, J.P. Farrugia
Sost- T. Tabone Desira flok R. Camilleri 46’, A. Cohen flok J.P. Farrugia 63’, B. Muscat flok O. Obiefule 81’

Skorjaw> J. Pearson 5’, J.P. Farrugia 36’, O. Obiefule 51’, C. Failla 64’ (H), Auto-Gowl J. Pearson 14’, L. Micallef 39’, 74’, J.L. Armario Negrin 62’ (B)
Imwissija> Z. Levnajic 25’, B. Kristensen 55’, T. Tabone Desira 70’ (H), S. Bezzina 62’ (B)
Referee> Chris Lautier
In-Nazzjon Plejer tal-Logħba> Lydon Micallef (Balzan)

F’partita mimlija gowls Balzan u Hibernians spiċċaw fi dro ta’ 4-4. B’dan ir-riżultat Hibernians aċċertaw mit-tielet post tal-kampjonat filwaqt li għal Balzan dan kien it-tieni riżultat pożittiv wara r-rebħa kontra Sliema.

Il-kowċ ta’ Hibernians Branko Nisevic wettaq tibdila waħda mit-telfa kontra Valletta meta rritorna Jonathan Pearson minflok Timothy Tabone Desira li ġie inkluż fit-tieni taqsima. Minn naħa l-oħra Jesmond Zerafa kellu jgħaddi mingħajr is-sospiżi Justin Grioli u Fabio Vignaroli.

Kienu Hibernians li marru fil-vantaġġ wara biss ħames minuti meta Obiefule bir-ras għadda lejn Radusinovic li qassam lil JONATHAN PEARSON li b’xutt tajjeb għeleb lil Bartolo. Ir-reazzjoni ta’ Balzan waslet fl-14-il minuta meta skorjaw il-gowl tad-dro. Kien Lydon Micallef li krossja fil-baxx iżda Joanthan Pearson xellef il-ballun u qarraq b’Daniel Balzan għal awto-gowl sfortunat.

Fl-20 minuta free-kick ta’ Clayton Failla għadda għoli. Il-Pawlisti marru viċin it-tieni gowl fid-29 minuta meta Obinna Obiefule krossja fil-baxx, Andrew Scicluna prova jitfa f’korner iżda ballun stampa mal-wieqfa. Minuta wara Calcado għadda lejn Zarate li prova l-konklużjoni iżda Daniel Balzan ħareġ jimblokka.

Hibernians marru fil-vantaġġ fis-36 minuta meta xutt ħażin ta’ Tarabai għadda bejn Zarate u Firas Aboulezz u spiċċa għand JEAN PAUL FARRUGIA li b’xutt b’saħħtu għeleb lil Bartolo. Hibernians ma gawdewx il-vantaġġ għaliex fid-39 minuta Balzan għamlu l-iskor indaqs meta Jose Luis Armario Negrin seraq ballun mingħand Radusinovic iżda x-xutt stampa mal-mimduda. Mir-rebawnd daħal LYDON MICALLEF li skorja f’lasta vojta.

It-tim ta’ Raħal Ġdid mar fil-vantaġġ wara l-mistrieħ meta fil-51 minuta Clayton Failla ta passaġġ tajjeb lil OBINNA OBIEFULE li bil-kalma qabbeż fuq Manuel Bartolo. Iżda għal darba oħra Balzan ġabu d-dro fit-62 minuta meta Dylan Grima qassam lejn Firaz Aboulezz, dan krossja fil-baxx u daħal pront JOSE LUIS ARMARIO NEGRIN li b’opportuniżmu għeleb lil Balzan.

Hibernians marru għar-raba’ darba fil-vantaġġ żewġ minuti wara meta CLAYTON FAILLA bi ġmiel ta’ free-kick għeleb lil Manuel Bartolo. Balzan provaw fis-67 minuta b’azzjoni personali ta’ Negrin iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet għoli. Minuta wara ħarba ta’ Tarabai spiċċat f’lob li iżda Bartolo salva faċilment. Balzan reġgħu għamlu l-iskor indaqs fl-74 minuta meta LYDON MICALLEF b’xutt djagonali għeleb lil Daniel Balzan. L-istess Micallef mar viċin fis-86 minuta iżda x-xutt fil-baxx tiegħu għadda ftit barra. Fit-88 minuta xutt ta’ Pearson ġie salvat minn Bartolo.