Lokali

Gvern li jaħbi u Gvern li ma kienx ippreparat biex jiggverna

Il-Partit Nazzjonalista talab li għada jsir id-dibattitu fil-Parlament biex iwaqqaf il-liġi li se tidħol b’avviż legali maħruġ mill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo li permezz tagħha l-Gvern se jkun jista’ jikseb informazzjoni personali u sensittva fuq it-tfal tagħna mill-età taċ-Childcare sal-Università. Dan il-Gvern jemmen biss fid-dirittijiet ċivili skont kemm se jġib voti, imma fejn jaqbillu, id-drittijiet ċivili jiksirhom.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal dan waqt djalogu fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Xbiex.

Simon Busuttil qal li dan hu Gvern li jaħbi u Gvern li ma kienx ippreparat biex jiggverna u għalkemm qabel l-elezzjoni wiegħed li se jibdel id-direzzjoni ekonomika ta’ pajjiżna, wara 13-il xahar ma nafux f’liema direzzjoni sejjer u għadu qed ifittex ir-roadmap li qal li kellu.

Il-Kap tal-PN fakkar li wara sena sħiħa ta’ Gvern Laburista l-qgħad żdied b’540.

Dwar is-saħħa, Simon Busuttil qal li għandu informazzjoni li bħalissa fl-Isptar Mater Dei l-istock tad-drips li jintużaw regolarment, naqset b’mod allarmanti. Irrefera wkoll għar-riżenja tal-Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia u qal li dan hu każ ieħor ta’ Gvern li l-ewwel jużak u mbagħad jarmik.

Simon Busuttil irrefera wkoll għal inċident li fih il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici tajjar żewġ persuni u wieħed minnhom kellu jkun operat fl-Isptar. Imma l-Pulizija ħbew il-każ, ma ħarġu l-ebda stqarrija u kellu jkun il-PN li jikxef dan il-każ serju.

Dwar il-każ tas-serq tal-elettriku u t-tbagħbis tal-ismart meters Simon Busuttil qal li kienu biss bejn 500 u 600 konsumatur li taw l-informazzjoni u jidher li l-maġġoranza kienu negozji.

Simon Busuttil qal li l-elezzjoni għal Parlament Ewropew se tkun waħda diffiċli għal PN għax il-punt tat-tluq hu t-telfa ta’ 36,000 vot u maġġoranza ta’ disa’ siġġijiet imma bil-ħidma ta’ kulħadd il-PN irid juri li issa għandu tmexxija ġdida li lesta tkun viċin in-nies u li hi Oppożizzjoni serja li lesta tkun it-tarka tal-poplu.

Il-Viċi Kap għal Ħidma tal-Partit Beppe Fenech Adami qal li dan hu Gvern tal-ħabi u staqsa x’sar minnha l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi li l-Gvern ta paga ta’ tlettax-il elf ewro fix-xahar. Qal li Michelle Buttigieg il-partner fin-negozju tal-mara tal-Prim Ministru, se tieħu 300,000 ewro f’ħames snin mit-taxxi tal-poplu u issa għandha uffiċċju f’Burmarrad u ieħor fi New York. Fakkar ukoll li l-Prim Ministru kera l-karozza privata tiegħu lilu nnifsu u se jaqla 70,000 ewro f’ħames snin u l-karozza se tibqa’ tiegħu xorta waħda.

Il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Francis Zammit Dimech ikkritika l-politika ambjentali tal-Gvern u qal li issa erġajna għas-snin l-imgħoddija fejn ikun il-Ministru li jiddeċiedi liema żvilupp ikun sanzjonat f’żoni li huma Barra mill-Iżvilupp. Fakkar ukoll li l-Ministru għall-Ambjent Leo Brincat qal li ma kienx ikkonsultat dwar il-politika tal-ODZ. Hu qal li l-analiżi tal-Gvern sena wara hi ta’ sensiela ta’ żbalji fil-qasam tax-xogħol, tal-edukazzjoni u tas-saħħa.

Helga Ellul, kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew qalet li bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea Malta għamlet suċċess u fakkret li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien konsistenti favur is-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Fakkret li kien Eddie Fenech Adami li wassal lil Malta għas-sħubija filwaqt li l-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi kiseb 1,128 miljun ewro għal Malta mill-Unjoni Ewropea għas-sena snin li ġejjin. Fakkret ukoll il-ħimda tal-Kap tal-PN Simon Busuttil li wkoll ħadem biex Malta saret membru fl-Unjoni Ewropea u ħadem fil-Parlament Ewropew favur Malta.