Lokali

Ħaddiema f’korporazzjoni tal-gvern jintalbu dettalji privati tal-familja

“L-ammont esaġerat ta’ informazzjoni li qed tintalab minn numru ta’ uffiċċji tal-Gvern iqanqlu suspetti kbar.” George Pullicino, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma qal dan hekk kif fit-23 ta’ Marzu li għadda, il-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma għaddiet ċirkolari lill-impjegati li fiha titlob dettalji personali tagħhom, tal-familja, inkluż ta’ uliedhom.

Skont iċ-ċirkolari, “se jsir eżerċizzju biex jinġabru dettalji personali mill-ġdid” ħalli “jingħata l-aħjar servizz lill-impjegati tal-Korporazzjoni,” u “ssir reviżjoni tal-informazzjoni li diġà għandha l-Korporazzjoni.” Madankollu l-kontenut li l-ħaddiema ntalbu jimlew fiċ-ċirkolari ffirmata minn Michael Parnis, li sa ftit tal-ġimgħat ilu kien jokkupa l-kariga ta’ Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU, qanqlet suspetti kbar fost il-ħaddiema.

Din iċ-ċirkolari tinkludi żewġ formoli. L-ewwel formola titlob id-dettalji personali tal-ħaddiema bħall-isem u l-kunjom, l-indirizz, data tat-twelid u n-numru tal-mobile u telefon atd-dar tal-ħaddiema. Barra minn dan, il-formola titlob ukoll dettalji dwar il-ħajja privata bħal jekk humiex single, miżżewweġ, separat, divorzjat jew joqgħod ma’ partner.

Iżda l-iktar inkwetanti hi t-tieni formola li tistaqsi lill-ħaddiema dettalji dwar familthom. F’din il-parti hemm sezzjoni dwar il-qraba tal-ħaddiema, u sezzjoni oħra speċifika dwar it-tfal tal-ħaddiema b’erba’ postijiet għad-dettalji sa erbat itfal. Il-ħaddiema huma mitluba jiktbu l-isem tat-tifel jew tifla, id-data tat-twelid u saħansitra l-karta tal-identità tagħhom.

Minbarra din l-informazzjoni, il-ħaddiema qegħdin jintalbu wkoll dettalji, kemm-il darba għandhom dwar ir-residenza tas-sajf, inkluż l-indirizz.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Enerġija, George Pullicini stqarr li “dan li qed jintalab hu assolutament esaġerat u bla bżonn”. Hu staqsa x’inhu l-użu li l-Korporazzjoni tal-Ilma titlob l-isem, id-data tat-twelid u l-karta tal-identità tat-tfal meta dan m’għandu l-ebda relevanza jew użu għall-istess Korporazzjoni. Hu kompla li t-tama tiegħu hi li “din l-informazzjoni mhix informazzjoni li qed tispiċċa tingħadda lil xi ċentrali oħrajn.”

George Pullicino stqarr: “hu ċar li l-Istat, jew kwalunkwe korporazzjoni tal-Istat għandha żżomm l-informazzjoni bażika li tagħmel sens li jkollha dik il-korporazzjoni jew dak l-uffiċċju għall-finijiet tal-ħidma tiegħu. Dak li mhux għall-fini ta’ xogħol, ħidma tajba tal-korporazzjoni m’għandu qatt jinġabar. Il-fatt li l-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma qed titlob lill-ħaddiema dettalji li m’għandomx x’jaqsmu mal-ħidma tagħhom fil-Korporazzjoni, verament iqabbadni suspetti kbar.”

Intant, kelliem għall-moviment Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista f’kummenti lil maltarightnow.com ikkonferma li ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma lmentaw dwar il-fatt li qed jintalbu jagħtu tagħrif personali, bla ebda rilevanza max-xogħol tagħhom fil-Korporazzjoni. “Dawn il-ħaddiema tħassbu meta rċievew ċirkulari mibgħuta mid-Dipartiment għar-Riżorsi Umani, u li fiha ntalbu jagħtu dettalji fost oħrajn bħan-numru tal-karta tal-identità ta’ wliedhom, numru tal-karta tal-identità tal-mara jew ir-raġel tagħhom, u jekk u fejn għandhom post ta’ villeġġjatura.

Il-Kumitat Eżekuttiv tas-SĦPN qed juri tħassib dwar il-vera raġuni għall-ġbir ta’ tagħrif personali tal-mara jew tfal tal-impjegati u dwar jekk l-impjegat għandux post ta’ villeġġjatura billi din mhiex informazzjoni relevanti, neċessarja u meħtieġa.

SĦPN staqsa lill-Korporazzjoni x’inhu l-iskop li titlob in-numru tal-karta tal-identità tal-mara u t-tfal tal-impjegati? SĦPN iħoss li bl-iskuża biex tkun aġġornata l-informazzjoni fuq l-impjegati, il-Korporazzjoni qiegħda titlob dettalji żejda fuq il-qraba u proprjetà tal-impjegat li jqajjmu numru ta’ mistoqsijiet dwar il-veru skop tad-dettalji mitluba.