Futbol Sport

Iċ-Champions jirritornaw fil-quċċata b’wirja kbira

BIRKIRKARA…………..6
SLIEMA W………………..0

Birkirkara> J. Haber, Z. Muscat, N. Vukanac, M. Bissi, R. Camenzuli, R. Muscat, P. Fenech, R. Scicluna, E. Herrera, S. Haruna Shola, J. Benites
Sost- K. Zammit flok P. Fenech 46’, A. Borg flok E. Herrera 60’, F. Temile flok J. Benites 71’

Sliema> G. Zammit, A. Muscat, J. Borg, K. Farrugia, J. Mintoff, M. Scerri, S.Ohawuchi, A. Podda, T. Cilia, M. Muchardi, S. Biancardi
Sost- G. Aquilina flok K. Farrugia 42’, I. Woods flok A. Podda 58’, A. Xuereb flok T. Cilia 75’

Skorjaw> S. Haruna Shola 3’,13’,40’, J. Benites 9’, R. Camenzuli 24’, M. Bissi 69’ (B)
Imwissija> S. Ohawuchi 41’, A. Xuereb 89’ (S), J. Benites 49’ (B)
Referee> Paul Caruana
In-Nazzjon Plejer tal-Logħba – Shodiya Haruna Shola (Birkirkara)

B’wirja stupenda fl-ewwel taqsima Birkirkara rritornaw fil-quċċata b’rebħa faċli kontra Sliema bl-iskor ta’ 6-0. L-Istripes urew l-intenzjonijiet sa minn kmieni u aċċertaw mir-rebħa wara ftit minuti. B’hekk Birkirkara reġgħu jinsabu punt fuq Valletta filwaqt li Sliema baqgħu punt taħt Mosta fil-ħames post tal-klassifika.

Għal Sliema din kienet wirja deludenti fejn sofrew gowl kmieni li qatt ma rkupraw filwaqt li l-karkariżi baqgħu ġejjin b’gowl wara l-ieħor.

Sliema kellhom diversi plejers nieqsa b’Beppe Muscat, Paltemio Barbetti, Clifford Gatt Baldacchino u Admir Vladavic sospiżi filwaqt li Birkirkara kellhom nieqes lil Joseph Zerafa filwaqt li Gareth Sciberras u Mendoza kienu fuq il-bank tas-sostituti.

Birkirkara ħadu biss 3 minuti biex marru fil-vantaġġ meta d-difiża ta’ Sliema ma klirjatx minn kross u SHODIYA HARUNA SHOLAżmarka ruħu u b’xutt fil-baxx għeleb lil Zammit. L-Istripes irduppjaw fid-9 minuta meta Haruna Shola avvanza minn nofs il-grawnd u ta passaġġ perfett lejn JHONNATTANN BENITES li ma kellu ebda diffikulta’ li jegħleb lil Zammit.

L-ewwel konklużjonijiet ta’ Sliema waslu fil-11-il minuta meta xuttijiet ta’ Muchardi u Cilia ġew salvat faċilment minn Haber. Il-karkariżi irduppjaw fit-13-il minuta meta Benites fetaħ fuq il-lemin lejn SHODIYA HARUNA SHOLA li b’xutt mill-ewwel fil-baxx għeleb lil Zammit.

Iċ-Champions skorjaw ir-raba’ gowl fl-24 minuta meta minn korner ta’ Benites, Shola qassam lura bir-ras lejn RYAN CAMENZULI li b’xutt bomba fis-saqaf tax-xibka ma ta l-ebda ċans lil Zammit. Fil-35 minuta Ohawuchi minn free-kick spara għoli.

Birkirkara għamluhom ħamsa fl-40 minuta meta Ryan Scicluna żmarka tajjeb lil SHODIYA HARUNA SHOLA u wara li avvanza bil-kalma kollha għeleb għal darba oħra lil Glenn Zammit.

Ir-ritmu fit-tieni taqsima inbidel bil-karkariżi jikkontrollaw il-partita iżda Sliema ingħataw penalty fis-60 minuta meta f’azzjoni personali Stanley Ohawuchi twaqqa’ fil-kaxxa minn Vukanac bir-referee Paul Caruana jordna penalty. Iżda mill-11 metru Justin Haber salva x-xutt ta’ Ohawuchi. Fit-62 minuta free-kick ta’ Benites ġie salvat faċilment minn Zammit. Minuta wara xutt ta’ Muchardi għadda għoli.

Birkirkara żiedu ieħor fit-69 minuta meta minn korner ta’ Jhonnattann, daħal tajjeb MATHEUS BISSI li bir-ras għeleb lil Zammit. Il-karkariżi setgħu żiedu ieħor fit-78 minuta meta Rowen Muscat għadda lejn Haruna Shola iżda x-xutt ċentrali ġie salvat minn Zammit. Il-partita baqgħet bla storja sa tmiem il-partita biex Birkirkara irritornaw fil-quċċata.