Lokali

Il-Ministru Manuel Mallia jaħsel idejh f’żewġ każi ta’ pulizija li kissru l-liġi

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia ddeċieda li jaħsel idejh minkejja li hu responsabbli mill-Korp tal-Pulizija u ma weġibx għal mistoqsijiet dwar żewġ każi ta’ pulizija Għawdxin li wieħed minnhom kien involut f’hit and run u ieħor kien fis-sakra meta t-tnejn kienu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom fix-Xewkija Għawdex fil-lejl ta’ bejn it-30 u l-31 ta’ Marzu li għadda.

Il-kelliema uffiċjali tal-Ministru Manuel Mallia, li hu direttament responsabbli minn dak li jkun qed iseħħ fil-Korp tal-Pulizija, irreferiet lil maltarightnow.com għand il-Korp tal-Pulizija.

Il-każ tal-kuntistabbli PC528

Skont tweġiba tal-Korp tal-Pulizija, mhux il-każ li nbidel ir-rapport fil-konfront tal-kuntistabbli Għawdxi li t-tfittxija għalih, wara li ħabat bil-karozza u baqa’ sejjer fil-lejl ta’ Jum il-Helsien u damet għaddejja aktar minn erba’ sigħat, sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu. F’dan il-każ, il-passiġġieri li kienu fil-vettura l-oħra li ħabat fiha dan l-uffiċjal tal-pulizija kellhom jingħataw kura medika.

Minkejja li għal xi raguni, dwar dan il-każ sar rapport ġdid u tneħħa l-kliem “hit and run” (li hija offiża kriminali) kif inhuwa ċar li kien il-każ – fi tweġiba mibgħuta mill-Korp tal-Pulizija ntqal li kulma ġara kien li sar rapport mill-ġdid, biex dan ikun jirrifletti aħjar u jinkludi aktar dettalji dwar l-inċident, wara li ġew stabbiliti aktar fatti. Fosthom il-ġrieħi li sofrew dawk li kienu fil-karozza l-oħra li magħha ħabat il-kuntistabbli, u anke l-identità tax-xufier li l-pulizija stess tammetti li baqa’ sejjer.

Il-Korp tal-Pulizija kkonferma wkoll li fil-post tal-inċident instabet karozza waħda biss, u l-karozza l-oħra, jiġifieri dik tal-pulizija, instabet numru ta’ sigħat wara, għall-ħabta tal-4.30 a.m.

Il-Korp tal-Pulizija kkonferma ukoll li l-pulizija nvolut, PC528, magħruf bħala ‘Wiġi’, suppost kien xogħol night watch meta seħħ l-inċident.

Skont il-Pulizija, dan il-kuntistabbli ġie sospiż fis-7 ta’ April li għadda, jiġifieri aktar minn gimgħa wara li seħħ il-każ, u l-għada li maltarightnow.com ippubblika l-istorja li kienet qed issir pressjoni fil-Korp tal-Pulizija biex żewġ uffiċjali jiskansaw id-dixxiplina. Filwaqt li kien konfermat li l-pulizija konċernat kien xogħol, il-Pulizija ma weġbitx għaliex wara li seħħ l-inċident xi ħadd biddel l-attendenza biex dan jidher li kien bil-leave. U lanqas ma wieġbet min bagħbas l-attendenza.

Il-każ tal-kuntistabbli PC1053

Fil-każ l-ieħor li seħħ fl-istess lejl u fl-istess lokalità, u li jinvolvi lill-kuntistabbli magħruf bħala l-‘Killer’, il-pulizija qalet li għaddejja investigazzjoni wara li ntqal li dan kien fis-sakra.
Nhar il-Ħadd li għadda żvelajna li PC1053 kien fis-sakra fil-pjazza tax-Xewkija fil-lejl ta’ bejn it-30 u l-31 ta’ Marzu li għadda, minkejja li suppost li kien xogħol. Dakinhar hu tilef iċ-cavetta tal-karozza tas-servizz li kien qed isuq. Il-karozza li kien biha kienet tas-Supretendent ta’ Għawdex u ċ-ċavetta tagħha nstabet mill-barman ta’ każin fil-pjazza tax-Xewkija l-għada filgħodu.

Fir-rappurtaġġ ta’ din l-istorja, nhar il-Ħadd li għadda, kien indikat li l-‘Killer’ jiġi minn xi ħadd li hu qrib ħafna tal-eks Segretarju Parlamentari Franco Mercieca, persuna li kienet impjegata f’kariga għolja fis-Segretarjat Privat ta’ Mercieca qabel ma’ dan irriżenja. Illum maltarightnow.com qed jiżvela li dan il-pulizija involut f’dan il-każ jiġi ħu l-eks Chief of Staff tal-eks Sgretarju Parlamentari Franco Mercieca, illum Deputat Laburista.

Dwaru, mit-tweġiba tal-pulizija, jidher li s’issa ma ttieħdet l-ebda azzjoni – u dan jikkonferma dak li żvelajna, li minkejja suppost fuq il-karta ġie trasferit lejn l-għassa tal-Belt Valletta, baqa’ ma ġara xejn minn dan. Tant li kif kien ippubblikat diġà, il-‘Killer’ ftaħar li mhux se jagħmel ġurnata waħda f’Malta – u fil-fatt fl-aħħar ġimgħa deher għaddej bil-ħidma normali bħala pulizija f’Ta’ Sannat u fin-Nadur.