Internazzjonali

Il-Papa jmexxi ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Ħadd il-Palm

B’salib li ngħata mill-ħabsin fil-ħabs ta’ San Remo, il-Papa Franġisku mexxa ċ-ċelebrazzjonijiet solenni ta’ Ħadd il-Palm fi Pjazza San Pietru.

Fil-bidu taċ-ċerimonja, il-Papa bierek il-palm u friegħa taż-żebbuġ biex imbagħad mar imexxi l-quddiesa quddiem baħar ta’ nies.

Fl-omelija, il-Papa ħeġġeġ in-nies isaqsu lilhom infushom min kienu quddiem Alla u Ġesu Kristu kif ukoll jekk wieħed hux bħal Ġuda li tradixxa lil Ġesu għal flus.

Waqt l-Angelus imbagħad, il-Papa preżenta s-salib tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ lil grupp żgħażagħ Pollakki wara li dan ingħata lilu minn grupp Brażiljan fejn saret l-aħħar edizzjoni f’Lulju tas-sena li għaddiet. L-edizzjoni li jmiss se ssir fil-Polonja fl-2016 f’Krakovja
Hu fakkar kif 30 sena ilu kien ħoloq din il-ġurnata l-Papa Polakk Karol Wojtyla u li żied, fis-27 ta’ April se jkun dikjarat qaddis flimkien mal-Papa Ġwanni XXIII. Hu qal li l-Papa Ġwanni Pawlu II, li kien ħoloq din il-ġurnata dedikata liż-żgħażagħ se jkun il-patrun tagħha kif ukoll għaż-żgħażagħ tad-dinja.

Il-Papa ħabbar ukoll li fil-15 ta’ Awwissu se jkollu laqgħa f’Daejeon fil-Korea t’Isfel maż-żgħażagħ minn madwar id-dinja.