Wara li fi tmiem il-ġimgħa intlagħbu l-partiti mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni, it-Tnejn jingħata bidu għall-fażi finali tat-turnament tal-Master f’Monte Carlo. It-tennista mis-Serbja Novak Djokovic se jkun qed jipprova jiddefendi t-titlu li rebaħ sena ilu filwaqt li Federer se jkun qed jieħu sehem f’din il-kompetizzjoni għall-ewwel darba sa mill-2011. Wieħed mill-akbar favoriti għar-rebħ tat-titlu se jkun l-Ispanjol Rafael Nadal li hu bla dubju l-aqwa tennista fuq it-tafal. Wieħed irid jara x’wirjiet se jkollhom Fabio Fognini u Grigor Dimitrov.
Il-qawwa ta’ Nadal fuq it-tafal wasslitu biex rebaħ dan it-turnament għal tmien darbiet u dan żgur li se jkun irid ipatti għat-telfa li sofra fil-finali ta’ sena ilu. S’issa’, l-2014 ma tantx kienet waħda ta’ suċċess għal Nadal li tilef il-finali tal-ewwel Grand Slam tas-sena fl-Awstralja u ġie eliminat f’fażi bikrija fl-Indian Wells kif ukoll tilef il-finali tat-turnament ta’ Miami. Nadal se jibda l-avventura tiegħu kontra Gilles Simon jew tennista li jkun għadda mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni. Jista’ jagħti l-każ li jekk Nadal jibqa’ javvanza, fil-kwarti tal-finali jilgħab kontra David Ferrer jew Grigor Dimitrov. Jekk jasal sal-finali jista’ jilgħab kontra Stanislas Wawrinka, it-tennista li għelbu fil-finali tal-Open Awstraljan.
Minn naħa tiegħu Novak Djokovic se jkun qed jipprova jkompli minn fejn ħalla f’dawn l-aħħar xhur fejn rebaħ it-turnaments tal-Indian Wells u ta’ Miami. L-aħħar erba’ turnaments tal-Masters intrebħu minn Djokovic u dan se jkun qed ifittex il-ħames suċċess konsekuttiv f’din il-kategorija.
Minkejja li sena ilu għeleb lil Nadal fil-finali, xorta waħda ma imponiex il-qawwa tiegħu fuq it-tafal għax umbagħad naqas milli jirbaħ l-Open ta’ Franza. Djokovic se jibda kontra tennista li jkun għadda mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni jew inkella kontra Benoit Paire filwaqt li fis-semi finali jista’ jilgħab kontra l-Iżvizzeru Roger Federer.
Dan tal-aħħar se jkun qed jilgħab fil-Masters grazzi għal wild card li ingħata u se jibda l-impenji kontra Radek Stepanek jew Ivo Karlovic. It-triq għall-finali għal Federer mhux se tkun faċli għax jista’ jiltaqa` kontra Fabio Fognini, Jerzy Janowicz jew Jo-Wilfried Tsonga.
//= $special ?>