Atletika Sport

Kipsang jirbaħ il-maratona ta’ Londra f’ħin rekord

L-atleta Kenjan Wilson Kipsang rebaħ l-34 edizzjoni tal-maratona ta’ Londra b’wirja mill-aqwa li fiha irreġistra ħin rekord tal-maratona. Kipsang għamel id-distanza ta’ 26.2 mil f’ħin ta’ sagħtejn, erba’ minuti u 27 sekonda biex għeleb l-isfida ta’ Stanley Biwott, atleta Kenjan ieħor promettenti li żgur ħadd ma stenna li kien se jispiċċa fuq il-podju.

Fit-tielet post spiċċa r-rebbieħ tal-edizzjoni ta’ sena ilu, l-Etjopjan Tsegaye Kebede. Mo Farah, l-atleta mir-Renju Unit u champion Olimpiku fuq distanza ta’ 5,000 u 10,000 metru iddiżappunta fid-debutt tiegħu u spiċċa fit-tmien post b’ħin ta’ sagħtejn, tmien minuti u 20 sekonda. Ħafna stennew li Farah kien se jmur aħjar u minkejja li sena ilu ġera n-nofs maratona biex jidra l-korsa dan ma irnexxilux ilaħħaq mal-Afrikani.

Għal Kipsang dan kien it-tieni suċċess fi spazju ta’ seba’ xhur wara li f’Settembru li għadda waqqaf rekord mondjali waqt il-martona ta’ Berlin.

Intant, il-kategorija tan-nisa intrebħet mill-Kenjana Edna Kipalagat, champion mondjali li għamlet id-distanza f’ħin ta’ sagħtejn, 20 minuta u 19-il sekonda. Kiplagat spiċċat quddiem Florence Kiplagat, ukoll tal-Kenja u quddiem Tirunesh Dibaba tal-Etjopja.

F’kummenti li ta Farah qal li hu diżappuntant iżda se jerġa’ jieħu sehem biex jagħti lill-partitarji Ingliżi dak li kienu qed jistennew minnu. “Kultant tipprova affarijiet ġodda li ma jmorrux kif tkun xtaqt,” qal Farah.