F’għeluq l-ewwel ġimgħa ta’ ħidma għall-President il-ġdid ta’ Malta, f’intervista ma’ maltarightnow.com, Marie Louise Coleiro Preca qalet li l-għaqda tal-poplu se tkun prijorità tal-Presidenza tagħha.
Hi ħabbret li ftit ġimgħat oħra se jitħabbar set-up ġdid u differenti fil-Presidenza biex il-poplu, hu min hu, hu f’liema livell hu fil-ħajja pubblika u mhux, ikollu opportunità jesprimi ruħu dwar aspirazzjonijiet fuq oqsma li jolqtuh fil-ħajja ta’ kuljum.
Fl-intervista titkellem ukoll dwar l-appoġġ tal-Oppożizzjoni għall-ħatra tagħha, il-festi nazzjonali, l-immigrazzjoni, it-tfal u d-distinzjoni bejn il-Presidenza u Ministeru. Il-President ikkonfermat li l-ewwel żjara uffiċjali tagħha barra minn Malta se tkun lill-Papa Franġisku li wkoll se tistiednu jiġi Malta.
Eċċellenza, x’kienet l-ewwel reazzjoni tiegħek meta l-Prim Ministru avviċinak biex jinnominak għall-kariga ta’ President ta’ Malta? Għaliex domt taħseb fuqha qabel ma aċċettajt?
Qatt ma ppretendejtha, qatt ma stennejtha u qatt ma ispirajt għal din il-kariga. L-ewwel tweġiba lill-Prim Ministru kienet an outright no, imma hu qalli biex naħsibha u niddiskutiha mal-familja. Anke l-familja tiegħi qatt ma mmaġinajna li din il-fażi tal-ħajja tagħna se teħodna f’din it-triq. Issa naraw din il-ħaġa nistgħux naqdu dmirna sew fiha.
Int għidt li t-tisħiħ tal-għaqda bejn il-poplu se jkun wieħed mill-prioritajiet tal-Presidenza. Dan ifisser li l-għaqda nazzjonali ma teżistix? Konkretament x’qed tippjana li tagħmel?
Għalija l-għaqda tal-poplu tagħna hi prijorità u din hi il-viżjoni tiegħi. Kull inizjattiva u attività trid tkun immirata lejn l-għaqda nazzjonali. M’hiniex ngħid li l-għaqda nazzjonali ma teżistix. Fid-diskors tal-ħatra għidt li dan poplu li kapaċi jqum għall-okkażjonijiet u jien ma nixtieqx li l-għaqda nazzjonali tkun biss waħda okkażjonali, imma tkun xi ħaġa li kapaċi ngħixuha kuljum u dan għal ħafna raġunijiet. Dan hu l-pass matur li lest jieħu dan il-poplu. Għamilna ħafna progress matul is-snin, imma issa dan hu l-pass li jmiss għalina lkoll u dan biex inkunu tassew poplu modern fis-sens li qed ngħixu f’ċirkostanzi ta’ ħajja li jinbidlu prattikament kuljum u rridu nkunu maturi ħalli nkunu kapaċi ngħixu aħjar flimkien.
Nemmen ħafna li flimkien dan il-pajjiż jista’ jkun mudell, mhux biss fl-aspett reġjonali, imma għad-dinja kollha. Naħseb li għandha tkun l-aspirazzjoni bħala poplu li nilħquha. Immaġina li aħna nkunu kapaċi niddibattu l-aktar suġġetti kontenzjużi imma nibqgħu fuq il-livell li nħabbtu l-ideat ma’ xulxin. Ħalli nitmassħnu, għax din hi l-karatteristika Mediterranja tagħna, imma wara li jgħaddi kollox, anke jekk niftiehmu li m’aħniex qed naqblu, nibqgħu nafu lil xulxin ta’ aħwa Maltin u mhux nispiċċaw kulħadd għal triqtu. Nemmen li kapaċi nagħmluh dan il-pass ‘il quddiem u jkun darba biss li nagħmlu distinzjoni bejn Malti u Malti, u Maltija u Maltija, dakinhar li nidħlu fil-polling booth u trid tidentifika, għax din hi s-sistema elettorali tagħna. Imma malli noħorġu mill-polling booth, nerġgħu, nifhmu u nagħrfu u nirrispettaw lil xulxin.
Il-fatt li l-Oppożizzjoni laqgħet in-nomina tiegħek bħala President ta’ Malta b’mod pożittiv u anke fil-Parlament ivvutat favur, x’messaġġ irċevejt mill-Oppożizzjoni?
Dan kien messaġġ qawwi, u dan il-pass aktar u aktar nistgħu nagħmluh u dan għax diġà hemm Oppożizzjoni li qed tagħraf din il-ħtieġa, għax kieku ma kinitx tieħu din it-triq. Personalment inħoss li r-responsabbilta`tiegħi rduppjat u bla dubju kibret, u rrid inqum għal din l-okkażjoni li bis-saħħa tal-Oppożizzjoni issa u flimkien mal-Gvern, qed tingħata lill-poplu tagħna. Għalhekk se nagħmel ħilti kollha u kif għedt fid-diskors uffiċjali tiegħi, se nagħti l-enerġija tiegħi u l-impenn sħiħ tiegħi lejn din it-tip ta’ viżjoni.
Il-Presidenza preċedenti għamlet pass żgħir bit-tama li xi darba jkun hemm aġġornament tal-Kostituzzjoni ta’ Malta. Int tennejt l-impenn tiegħek dwar bidliet fil-Kostituzzjoni. Fejn trid tasal? Liema huma dawk l-oqsma li tixtieq jew li għandhom jinbidlu jew jiġu aggornati?
Naħseb li kulħadd f’xi ħin jew ieħor esprima ruħu li hemm bżonn ta’ emendi u aġġornamenti tal-Kostituzzjoni li hi l-akbar salvagwardja tal-poplu tagħna. Bħal kull ħaġa oħra fil-ħajja, meta jinbidlu ċ-ċirkostanzi, inti trid tara jekk l-għodod li għandek humiex tajbin biżżejjed biex tkun issalvagwardjat bl-aħjar mod. Għalhekk dan jgħodd anke għall-Kostituzzjoni tagħna. Mhux qed ngħid minn aspett ta’ ċerti prinċipji bħad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, dawn, jgħaddi kemm jgħaddi żmien, fil-fehma tiegħi jibqgħu imnaqqxa fil-komponenti kollha tagħna biex nagħtu s-salvagwardja lin-nies, aħseb u ara l-Kostituzzjoni.
Hemm diversi affarijiet li rridu nagħmlu l-evalwazzjoni tagħhom u nistaqsu lilna nfusna jekk dawn għadhomx il-mezzi li bihom aħna tassew nagħtu l-aħjar għodda u l-aħjar faċilitajiet biex il-poplu tagħna jħossu salvagwardjat u mogħti l-aqwa dinjità, jekk l-istituzzjonijiet tagħna humiex qed ikunu adegwati biżżejjed għaż-żminijiet tal-lum. Naħseb li nkun prużuntuża issa jekk ngħid li jien nixtieq nara din, jew nixtieq nara dan, għax inħoss li dan ix-xogħol irid isir b’konsultazzjoni mill-aktar wiesa’ u bl-akbar għaqal u responsabbiltà.
Dan ifisser li anke għandna ninvolvu lill-poplu hemm barra li jkun qed jiddiskuti b’mod san x’jixtieq jara minn din l-ogħla liġi li għandu biex isssalvagwardjaħ ‘il quddiem. Konsultazzjoni wiesa’ tfisser ukoll li l-istakeholders kollha f’pajjiżna jkollhom il-vuċi tagħhom u jkollhom l-opportunità li jesprimu ruħhom bl-aħjar mod. Imbagħad, b’mod partikolari, il-partiti politiċi, kollha kemm huma, ikunu flimkien madwar mejda fejn ikollhom l-opportunità li jiddeliberaw, jiddiskutu, jevalwaw u jagħmlu r-reviżjonijiet kollha meħtieġa.
Naturalment nixtieq li nsibu kunsens ħalli mmorru ‘il quddiem b’ċerta saħħa, mhux biss politika imma wkoll morali għax din żgur tagħti ħafna tama lill-poplu tagħna. Imma jekk ma jiġrix dan imbagħad, m’għandniex għaliex niddejqu, hemm il-livell Parlamentari fejn ikunu jistgħu jkomplu jiddibattu l-argumeti li jkunu saru.
X’taħseb dwar il-festi nazzjonali? Kif se tinvolvi lill-partiti politiċi? X’se jkun ir-rwol tagħhom u tal-poplu?
Hawn ukoll qed nara diskussjoni kemm jista’ jkun wiesa’, miftuħa u b’konsultazzjoni ħalli wkoll nevalwaw din iċ-ċirkostanza. Ma naf bl-ebda pajjiż li għandu ħames festi nazzjonali. Ma jfissirx li dawk jekk ma jibqgħux festi nazzjonali, ma jibqgħux għeżież għall-poplu, għax fil-ħajja u fil-proċess storiku u politiku ta’ pajjiżna, dawn jiffukaw fuq avvenimenti mill-iktar importanti. Se jibqgħu u jridu jibqgħu importanti.
Forsi naslu għall-punt fejn ngħidu li forsi din il-ġurnata nistgħu ngħaddu mingħajrha bħala festa nazzjonali, imma ma rridx ngħid dik il-ġurnata jew l-oħra għax naħseb li d-deċiżjoni fl-aħħar mill-aħħar trid tkun tagħna flimkien. Jien ma nixtieqx li din il-Presidenza tkun qisha l-Presidenza li qed titkellem minn fuq għal isfel, imma nixtieq li din il-Presidenza tirrifletti proċess minn isfel għal fuq.
Man-nomina tiegħek, tħabbar mill-Prim Ministru li se tkun ukoll involuta f’setturi fejn joperaw aġenziji governattivi fil-qasam soċjali. Ma taħsibx li dan se jkun rwol konflinġenti mal-operat tal-Eżekuttiv? Kif tarahom jiżviluppaw dawn ir-responsabbiltajiet ġodda?
Se nkun ċara. M’humiex aġenziji governattivi assolutament, imma huma kummissjonijiet konsultattivi u wkoll mhux fil-forma li konna qed narawhom qabel, jiġifieri f’kuntest ta’ Ministeru. L-ewwel nett għaliex il-kariga ta’ Presdient f’pajjiżna m’hix funzjoni eżekuttiva, jiġifieri l-funzjoni ta’ President se tibqa’ dik li hi sakemm ma jkunx hemm deċiżjonijiet Parlamentari li jibdlu l-funzjonijiet. Il-mod ta’ kif se noperaw, jien iktar nippreferi ngħid is-subject matters milli kważi l-entitajiet li huma kkonsultati. Nippreferi nitkellem fuq oqsma li din il-Presidenza se tkun qed teħodhom l-ewwel nett bil-funzjoni li għandu l-President illum, jiġifieri dak li nħobb insejjaħlu facilitator li jġib lil kulħadd on board. Dan ħalli l-oqsma li huma ta’ importanza nazzjonali bħalma huma l-kwistjonijiet dwar it-tfal, ma jkunx hemm diverġenzi dwarhom.
Dan għax it-tfal ta’ kulħadd huma l-istess u t-tfal għandhom l-esiġenzi tagħhom, mhux għax dak it-tifel ta’ dak u dik it-tifla tal-ieħor. Mat-tfal m’għandux ikollna diverġenzi fuqhom. Għalhekk jimmerita li l-qasam tat-tfal jitla’ fuq livell nazzjonali fejn nassiguraw li kulħadd ikollu vuċi. Imma mhux fuq livell ta’ implimentazzjoni għax dak mhux il-funzjoni tal-President. Il-President jiffaċilità biex kulħadd jiġi madwar mejda ħalli niddiskutu.
Fi ftit ġimgħat oħra se nkunu f’qagħda li nistgħu nħabbru is-set-up ġdid u differenti li se jkun hemm fil-Presidenza biex iva l-poplu tagħna, hu min hu, hu f’liema livell hu fil-ħajja pubblika u mhux, ikollu opportunità jesprimi ruħu fuq aspirazzjonijiet fuq oqsma li jolqtuh fil-ħajja ta’ kuljum u jolqtuh bl-istess mod, ġej minn liema partit jew xelta politika ġej minnha.
Il-Prim Ministru qal li se jagħtik responsabbiltajiet ġodda, biex il-kariga tiegħek ma tkunx biss ċerimonjali. Kienet talba tiegħek din qabel ma aċċettajt in-nomina? X’kuntatti saru man-naħa tal-Gvern u mal-Oppożizzjoni dwar dan ir-rwol ġdid?
Qabel il-ħatra, jekk tgħidilha talba, hu żvilupp ta’ proċess ta’ diskussjonijiet aktar minn kollox. Imma wkoll kif qal il-Prim Ministru pubblikament, min jafni tajjeb magħrufa li jiena persuna li nressaq ‘il quddiem issues li mhux kulħadd jieħu gost iressaqhom ‘il quddiem. Kif qal il-Prim Ministru pubblikament, jiena qed inkun ikkunsidrata bħala l-persuna li anke jekk hemm affarijiet li l-Gvern jidhirlu li fuq dawn l-oqsma partikulari jista’ jieħu linja aħjar, jien mhux se niddejjaq nitkellem dwarhom.
Dan ifisser li miegħi kulħadd jaf fejn hu għaliex dan li nħoss li għandi ngħid, dejjem għedtu u se nibqa’ ngħidu. Anzi llum inħoss li għandi ħafna aktar qawwa morali u fid-dmir li ngħidu. Naħseb li dik kienet ir-raġuni għaliex kont ikkunsidrata li ningħata dawn ir-responsabbiltajiet.
S’issa kull ma kelli kienet laqgħa nformali mal-Ministru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali li saret qabel ħadt il-ġurament ta’ President u kienet diskursata biex nagħmel ruħi ċara li din hi funzjoni mhux eżekuttiva li l-Presidenza mhix Ministeru, assolutament, u jiena noġġezzjona li dan jinbidel u se nkompli nħarsu.
Sal-lum għad ma kellix kuntatti mal-Gvern imma wkoll għax hi issue ta’ protokoll issa nibda niltaqa’ mal-Kabinett, mal-Oppożizzjoni u tibqa sejra hekk. Jien se nkun qed inżomm u diġà tkellimt, kemm mal-Prim Ministru u anke mal-Kap tal-Oppożizzjoni u maċ-Chairman tal-Alternattiva Demokratika, biex ikolli magħhom laqgħat regolari u biex ikun hemm exchanges dwar x’qed isir u dan mhux biss biex inkun infurmata, imma wkoll biex inressaq affarijiet li jidhirli li hu importanti li jitressqu.
Għalkemm l-Alternattiva Demokratika hi partit politiku li mhux rappreżentat fil-Parlament, nixtieq – u hawn tidħol ukoll il-kwistjoni tal-għaqda – dawk is-6,000 persuna li vvutaw għall-AD u li r-rappreżentanza tagħhom ma telgħetx fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, ma jintilfux. Għalhekk il-Presidenza se tkun qed tiffaċilità biex anke dawk il-votanti li m’humiex rappreżentati fil-Parlament, ikollhom ukoll il-vuċi tagħhom. Dan hu l-pajjiż ta’ kulħadd u l-President, il-Kap tal-Istat Malti jrid jassigura li l-pajjiż ikun tassew ta’ kulħadd.
Dan huwa poplu magħruf għas-solidarjetà ma’ min hu l-aktar fil-bżonn, iżda dan is-sens ma joħroġx daqshekk qawwi meta niġu għat-trattament u l-għajnuna tal-immigranti, kemm adulti kif ukoll tfal. X’se tagħmel bħala Kap tal-Istat Malti biex tbiddel din il-mentalità u l-attitudni?
Se nkompli nitkellem u se nkompli nitkellem ukoll mill-punto di vista ta’ responsabbiltà morali bħala kap ta’ stat. Din ġejja mill-fatt li jiena tassew nemmen li l-poplu tagħna mhux razzist. Il-poplu tagħna mhux sew li npinġuħ razzist. Nemmen li l-poplu tagħna hu beżgħan minħabba l-karatteristiċi partikulari ta’ pajjiżna, iċ-ċokon tal-pajjiż u anke minħabba l-popolazzjoni kbira li għandna għal mezzi u għar-riżorsi li għandu pajjiżna. Nifhem li bilfors nibżgħu, imma rridu nifmu wkoll li fl-aħħar mill-aħħar dawn huma bnedmin bħalna. Dawn nies li ġejjin minn pajjiżi mifnijin mill-gwerra u qed jgħixu f’konflitti, f’periklu kontinwu li jitilfu ħajjithom b’xi balla jew xi bomba u biex jaslu sal-Mediterran ukoll ikunu għaddew minn perikli b’riskju għal ħajjithom fid-deżert. Min jaf kemm ikunu intilfu ħajjiet fid-deżert li qatt ma jissemmew.
Xi kultant nisimgħu li tant eluf ta’ immigranti għerqu fil-Mediterran, imma fid-deżert ma nisimgħux kemm intilfu nies. Sadattant malli jaqbdu dgħajsa, ikunu qed jieħdu t-tielet riskju f’ħajjithom u ma nafux lanqas kemm fil-proċess mhux biss ikunu pperikolaw il-ħajja tagħhom, imma wkoll kemm ikunu ġew abbużati dawn in-nies u allura jien nerġa’ nistaqsi u nibqa’ nistaqsi l-mistoqsija lill-poplu tagħna u ngħidlu li aħna poplu magħruf għall-ġenerożità u għall-qalb kbira li għandna, li kieku aħna konna minflok dawn il-familji, kieku uliedna kienu flok dawn it-tfal li qegħdin jgħaddu minn trawma għal oħra biex jieħdu ċans għal ħajjithom, kieku aħna rridu min jarana minn din it-tip ta’ lenti? Konvinta li f’qalbu l-poplu jgħid le. Imma min-naħa l-oħra ma nistgħux nieqfu hemm biss, jiġifieri li aħna nibdew nirrealizzaw li dawn bnedim li sofrew, li qed isofru u li għandhom ħafna tbatijiet u li għandhom ħafna trawmiet u għalhekk irridu nitrattawhom b’umanità kbira.
Ma nistgħux nieqfu f’dan l-istadju biss, irridu nħarsu imbagħad lejn min irid jagħti l-għajnuna. Hemm tiġi l-kwistjoni tal-integrazzjoni. Dan mhux poplu li jiflaħ jintegra lil dawn il-mijiet u lil dawn l-eluf ta’ nies, jiflaħ jintegra ftit, imma mhux lil dawn in-nies kollha. Il-kumplament, jekk tassew l-Ewropej, speċjalment, iħossu li dawn in-nies għandhom jingħataw ċans, ġenwinament għandhom joħorġu jdejhom u jgħinu lil Malta ħalli jieħdu lil dawn l-immigranti biex ikunu jistgħu jintegraw f’pajjiżi ferm akbar minna, pajjiżi li għandhom ferm aktar riżorsi u fejn il-popli tagħhom għax huma b’miljuni, mhux bħalna bl-eluf, jistgħu tassew jintegraw ruħhom b’mod tajjeb. Aħna diġà għandna l-għarfien ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali fosthom l-International Organisation for Migration u jien personalment erba’ ġimgħat ilu mort Ġinevra u tkellimt mad-Direttur Ġenerali. Hemm ukoll il-UNHCR fejn ukoll iltqajt mat-tmexxija tagħha. Dawn l-organizzazzjonijiet kbar u prestiġjużi qed jagħrfu li l-każ ta’ pajjiżna hu każ speċjali u se jkunu wkoll huma biex il-vuċi tagħna tasal għand min għandha tasal biex jagħtu l-għajnuna.
Pajjiżna għaddej minn taqlib soċjali u morali. L-Isqfijiet wissew dwar dawn dan l-aħħar u semmew l-intolleranza, il-vjolenza u l-faqar li qed jiżdied, il-kriminalita` organizzata, il-korruzzjoni li saret kważi istituzzjonalizzata, x’sehem se tagħti biex tbiddel din ir-rotta li qisa qed tnawwar bil-mod il-mod lis-soċjeta Maltija?
Hawn terġa’ tidħol l-issue tal-għaqda, is-sens ta’ rispett lejn xulxin, is-sens ta’ għarfien u rispett lejn id-diversità, is-sens tal-valur tal-ġustizzja soċjali, is-sens ta’ għarfien li kwistjonijiet bħall-faqar m’humiex biss tal-fqir, imma huma issues tal-poplu kollu.
Se nkun qiegħda bis-saħħa morali li għandha l-Presidenza, nitkellem u nagħmel dak kollu possibbli biex nagħmlu lil kulħadd mhux biss konxju, imma wkoll nimmottivaw biex nagħmlu l-passi ‘il quddiem u nindirizzaw dawn id-diffikultajiet. Għaliex dan hu dak il-pass matur ‘il quddiem li għandu bżonn dan il-poplu. Għamilna ħafna progress, imma l-progress ma jfissirx li trid tieqaf, iżda trid timxi bil-pass tiegħu u next-in-line żgur hija s-sens ta’ maturità. Dan is-sens ta’ għarfien li jien napprezzak u inti tapprezza lili, avolja jien differenti minnek. Dan irridu nagħmluh għall-ġid tagħna imma l-aktar ta’ wliedna.
Jekk m’aħniex se nagħmlu dan il-pass issa, uliedna se jkollhom ħafna diffikultajiet. Ma nistgħux inwaqqfu l-globalizzazzjoni u mhix globalizzazzjoni ekonomika biss, hi globalizzazzjoni soċjali, il-media soċjali qed tilgħab parti importanti f’ħajjitna wkoll, qed ikollna moviment kbir ta’ ħaddiema u nies li qed jiġu minn pajjiżi oħra u din lil hinn mill-immigrazzjoni.
Imma sfortunatament qisna bħala poplu nħarsu biss lejn l-immigrazzjoni. Għandna influss kbir ta’ nies li qed iġibu tradizzjonijiet u b’kultura differenti u jekk mhux se nagħrfu din id-diversità fil-kuntesti kollha soċjali tagħhom, ikun hemm mumenti li lanqas se nibdew nifhmu lil xulxin. F’pajjiż żgħir bħal tagħna, fejn għandna ngħożżu ħafna lill-familja, dan kollu jispiċċa jitmermrilna u jekk ma jkollniex dawn il-pedamenti li fuqhom is-soċjeta` hi mibnija, se jkollna diffikultajiet kbar u se jkollna diffikultajiet akbar għal uliedna.
Se żżomm mat-tradizzjoni li l-ewwel żjara tiegħek se tkun għand il-Papa? Meta qed tippjana li ssir? X’se jkun il-messaġġ tiegħek lil Papa?
Għandi nattendi għall-kanonizzazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II imma din mhix se tkun iż-żjara uffiċjali lill-Papa għax aħna mistednin bħala pajjiż bħalma se jkunu pajjiżi oħra. Iva, l-ewwel żjara uffiċjali, tkun, kif dejjem kienet il-prassi ta’ dan il-pajjiż, li nżur lill-Papa Franġisku.
Lill-Papa nixtieq neħodlu messaġġ pożittiv, li dan hu poplu miftuħ, li għandu qalbu kbira, li dan hu poplu li minkejja ċ-ċokon tagħna, dejjem għarafna li fl-okkażjonijiet kemm ta’ ferħ kif ukoll ta’ niket, konna flimkien, spalla ma’ spalla. Messaġġ li għandna ħafna determinazzjoni li nkomplu nikbru u nkomplu nimxi ‘il quddiem u li nagħrfu ħafna u napprezzaw l-istanzi li qed jagħmel fejn qed juri lid-dinja kemm hi sabiħa l-umiltà, kemm hu sabiħ li inti tiftakar f’min għandu bżonn aktar għajnuna minn ħaddieħor u għalhekk irridu nuruħ ukoll dan l-apprezzament.
Jiena nistqarr li jien affaxxinata biż-żgħażagħ Maltin li wieħed ma jistax jgħid li jmorru l-Knisja kuljum, imma l-mod kif dan il-Papa qed jolqothom u qed jaffettwahom, dawn huma t-tip ta’ valuri kbar li hu qed iressaq fuq quddiem. Nixtieq ukoll ngħidlu li ż-żgħażagħ Maltin qed japprezzawh u allura nixtieq ngħidlu biex jipprova jsib data biex jiġi fostna ħalli bħala poplu nkunu nistgħu nilqgħuh.
//= $special ?>
