Liverpool għelbu lil Manchester City bi skor ta’ 3-2 fil-konfront dirett f’Anfield biex issa qegħdin żewġ punti fuq Chelsea li qgħdin it-tieni.
B’din ir-rebħa wkoll, Liverpool pattew għat-telfa tal-ewwel rawnd, fl-Etihad Stadium, meta l-għada tal-Milied, City kienu rebħu 2-1. Issa għal tmiem il-kampjonat Liverpool fadlilhom jilagħbu erba’ partiti, waħda minnhom kontra Chelsea filwaqt li City fadlilhom jilagħbu sitta.
Liverpool ħarġu aggressivi u wara biss sitt minuti marru fil-vantaġġ. Dan meta Suarez għadda ballun perfett lejn STERLING li b’finta evita lil Vincent Kompany u b’xutt tajjeb għeleb lil Joe Hart u tefa’ lill-partitarji f’dellirju ta’ ferħ. Minkejja li Kompany irkupra minn injury li sofra fit-taħriġ xorta deher miġugħ fl-azzjoni tal-gowl. Ħarsa lejn l-istatistika turi li bil-gowl ta’ Sterling, Man City saru l-10 tim li ikkonċeda 800 gowl jew aktar fl-istorja tal-Premiership Ingliż. Fl-14-il minuta Liverpool fallew ċans kbir li jagħmluhom tnejn meta Sterling għadda ballun lejn Sturridge imma l-attakkant ma ikkonnettjax tajjeb mal-ballun. Kollox kompla ġej ħażin għas-Citizens meta tliet minuti wara Yaya Toure kellu jħalli l-grawnd minħabba injury fil-groin u minfloku daħal Javi Garcia.
Fis-26 minuta ir-Reds irduppjaw minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Gerrard u bir-ras SKRTEL għamilhom 2-0. Qabel tmiem l-ewwel taqsima City wettqu reazzjoni u Fernandinho ra t-tentattiv tiegħu jkun salvat b’mod stupend minn Mignolet. L-andament fit-tieni taqsima inbidel totalment u kienu City li iddominaw.
Fis-56 minuta dawn naqqsu d-distakk metta minn azzjoni orkestrata tajjeb Milner daħal minn naħa tal-lemin u għadda ballun lejn in-nofs li sab lil SILVA li mill-viċin għamilhom 2-1. It-tim ta’ Pellegrini baqa` jippressa u sitt minuti wara wasal il-gowl tad-draw meta Silva daħal fil-kaxxa u ra t-tentattiv tiegħu jkun devjat minn Glen Johnson li tefa’ bix-xibka tiegħu stess bil-goalkeeper Mignolet ma jista’ jagħmel xejn biex isalva. Wara din il-ħasda Liverpool bdew jidħlu bil-mod fil-partita u fis-76 minuta dawn reġgħu marru fil-vantaġġ. Minn azzjoni ta’ throw-in Kompany naqas milli jikklirja l-ballun u COUTINHO approfitta minn dan l-iżball kbir u skurja t-tielet gowl tar-Reds.
Fil-logħba bejn Swansea u Chelsea, il-Blues approfittaw mill-fatt li kienu qed jilagħbu kontra 10 players u rebħu biex issa telgħu fit-tieni post. Fis-16-il minuta Chico ta’ Swansea tkeċċa wara li intwera żewġ karti sofor u t-tim ta’ Mourinho skurja l-gowl deċiżiv fit-68 minuta permezz ta’ BA, l-istess player li skurja fl-aħħar minuti kontra PSG fiċ-Champions League biex ibbukkja post fis-semi finali.
Ta min jinnota li l-partiti kollha tal-bieraħ u llum fir-Renju Unit bdew seba’ minuti tard.. Dan sar b’rispett għal dawk li tilfu ħajjithom fit-traġedja ta’ Hillsborough fl-1989.
Hull fil-finali tal-FA Cup kontra Arsenal
Hull City ibbukkjaw post fil-finali tal-FA Cup meta għelbu lil Sheffield United bi skor ta’ 5-3 biex issa fil-finali jilgħabu kontra Arsenal li minn naħa tagħhom eliminaw lill-holders Wigan bil-penalties jum qabel. Għal Hull din se tkun l-ewwel darba fl-istorja tagħhom li se jkunu qed jikkontestaw finali tal-FA Cup.
Kienu Sheffield li marru fil-vantaġġ fid-19-il minuta b’gowl ta’ BAXTER u Hull kellhom jistennew sa tliet minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima biex ġabu d-draw. Kien SAGOBO li għamel l-iskor indaqs imma minuta wara Sheffield reġgħu marru fuq quddiem b’gowl ta’ SCOUGALL.
Hekk kif bdiet it-tieni taqsima t-tim ta’ The Championship ġab id-draw meta FRYATT għeleb lill-goalkeeper avversarju għal skor ta’ 2-2. Minn hawn ‘il quddiem Hull iddominaw u skurjaw tliet gowls mingħajr risposta. Fil-54 minuta kien HUDDLESTONE li skurja filwaqt li QUINN żied mal-iskor 12-il minuta wara. Hekk kif kollox deher li se jintemm 4-2, l-ewwel Sheffield naqqsu d-distakk fid-90 minuta permezz ta’ MURPHY u fil-ħin miżjud MEYLER issiġilla l-logħba favur Hull.
//= $special ?>

