Lokali

Mario Salerno ma jitħalliex jipparteċipa f’laqgħa tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop

Fil-Malti, nħobbu nużaw il-frażi ‘tlaħħaq ma’ Alla u max-xitan’. Din il-ġimgħa, hekk prova jagħmel l-eks Sindku Laburista ta’ San Pawl il-Baħar Mario Salerno li rriżenja mill-kariga anqas minn xahar ilu, għaliex filwaqt li dmiru bħala Kunsillier fil-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar, kien li jmur u jirrapreżenta r-residenti ta’ San Pawl il-Baħar waqt laqgħa tal-Kunsill Lokali, hu għażel li jattendi laqgħa tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop, mingħajr ma kellu dritt jattendi għaliha għaliex mhuwiex reġistrat fuq din il-lokalità.

Kif jidher mir-ritratt, Mario Salerno, li fil-passat kien Sindku Laburista ta’ Ħal Kirkop, attenda għal din il-laqgħa bħala parti mill-udjenza biex isegwi dak kollu li kien qed jiġri.

Salerno Kirkop

Madanakollu, f’ċertu ħinijiet, meta’ waqt id-diskussjoni tal-Kunsill bdew isiru attakki fuq l-amministrazzjoni finanzjarja tal-Kunsill preċedenti, dak li kien immexxi minn Salerno, Mario Salerno beda jintervjeni u jagħmel kull attentat biex jiddefendi lilu nnifsu.

Madanakollu, kienu anke s-Sindku Laburista u l-Kunsillieri Laburisti stess li bdew iwaqqfu lil Mario Salerno milli jitkellem, għaliex skont il-liġi, l-ebda persuna li mhix irreġistrata f’dik il-lokalità m’għandha dritt tattendi laqgħa tal-Kunsill Lokali tal-lokalità rispettiva, wisq anqas titkellem.

Il-laqgħa tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop kienet il-Laqgħa Ġenerali Annwali, u l-interventi minn naħa ta’ Mario Salerno bdew isiru waqt li bdew jinqraw il-minuti tal-Laqgħa Ġenerali Annwali tas-sena li għaddiet, meta saret referenza partikolari għalih.

 

Mill-informazzjoni li għandu maltarightnow.com, jirriżulta li minn Ħal Kirkop, meta ma ġabiex żewġ hemmhekk, Mario Salerno rħielha lejn San Pawl il-Baħar fejn kienet diġa’ bdiet il-laqgħa tal-Kunsill Lokali. Din il-laqgħa kienet l-ewwel waħda li tmexxiet minn Raymond Tabone, magħruf bħala l-Hawkeye, bħala s-Sindku Laburista l-ġdid wara r-riżenja ta’ Mario Salerno.

Fost l-oħrajn, waqt il-laqgħa sar magħruf li l-eks Kunsillier Laburista Jason Camilleri, li rriżenja minn Kunsillier f’Awwissu li għadda wara li ngħata tender mill-istess Kunsill Lokali bħala Council Supervisor, issa ġie impjegat mal-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar bħala skrivan.

Ikkummenta