Lokali

Muscat ikompli jikkonferma kemm il-Gvern tiegħu jaħbi mill-poplu

 

Waqt li kien qed jindirizza attività politika f’Ħ’Attard, il-Prim Ministru Joseph Muscat beda jiddefendi l-Avviż Legali li daħħal il-Gvern tiegħu biex il-Ministru Evarist Bartolo jkollu informazzjoni sensittiva dwar it-tfal u l-istudenti Maltin. L-Oppożizzjoni diġà għamlitha ċara li hi kontra dan l-Avviż Legali, tant li ressqet mozzjoni fil-Parlament biex dan l-Avviż Legali jiġi revokat.

Il-Partit Nazzjonalista qal li kellha tkun l-Oppożizzjoni li żvelat dan l-Avviż Legali, għaliex li kien għall-Gvern, dan l-Avviż Legali baqa’ moħbi, bħalma ħeba l-każ tal-inċident li fih kien involut il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, kif ukoll bħalma ried jaħbi l-ismijiet tal-persuni li jixtru ċ-ċittadinanza Maltija.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li bl-Avviż Legali li daħħal il-Gvern, il-Ministru Evarist Bartolo jkollu aċċess abbużiv ta’ informazzjoni personali tat-tfal u studenti Maltin u Għawdxin. Għal kuntrarju tal-impressjoni li prova jagħti dalgħodu Muscat, il-Gvern m’għandux bżonn in-numri tal-karti tal-identità tat-tfal u l-istudenti biex isibilhom soluzzjoni biex ma jitilqux mill-iskejjel b’nuqqas ta’ ħiliet. u hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qal se jkun qed jivvota fil-Parlament biex dan l-Avviż Legali jiġi revokat.

Il-Partit Nazzjonalista semma kif Muscat qed jaħbi l-problema dejjem tikber tal-qgħad, bin-numru ta’ individwi jirreġistraw għax-xogħol jiżdied xahar wara l-ieħor. Il-Prim Ministru Muscat qed jiprova jaħbi l-problema tal-qgħad billi jdaħħal in-nies jaħdmu maċ-ċivil, qal il-Partit Nazzjonalista, li hija deċiżjoni li tmur kontra kull parir tal-ekonomisti, għaliex din id-deċiżjoni, mhux biss tħalli riperkussjonijiet fuq l-ekonomija, iżda tkun qed iżżid il-piż fuq it-tax payer Malti.