Wara li din il-ġimgħa l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet mozzjoni biex jiġi revokat l-Avviż Legali 76 tal-2014 li permezzz tiegħu l-Ministru tal-Edukazzjoni jingħata l-poter biex jiġbor informazzjoni personali fuq l-istudenti mill-ewwel sena tal-primarja sa ma jtemmu l-edukazzjoni tagħhom fl-istituzzjonijiet terzjari, maltarightnow.com tkellem ma’ avukati fejn ħa l-opinjoni tagħhom fuq din id-deċiżjoni tal-Gvern Laburista permezz ta’ dan l-Avviż Legali.
Poteri wiesgħa lill-Ministru
L-avukat Bernard Grech qal li l-Avviż Legali ma jagħmilx restrizzjoni fuq r-raġuni għaliex għandha tintalab l-informazzjoni anzi għandu artikli li huma miftuħa u wiesgħa u dan jagħti lok lil kull min ikun fil-pożizzjoni ta’ Ministru biex jitlob informazzjoni għal kwalunkwe raġuni. Hu qal li dak li jingħad minn persuni differenti inkluż il-Ministru fuq l-iskop għaliex se tinġabar informazzjoni u kif tinġabar, ma jiswiex għax fl-aħħarnett dak li hu importanti huwa dak li tgħid il-liġi. Hu qal li jekk il-liġi ma tagħmilx restrizzjoni fuq kif u għaliex tinġabar l-informazzjoni allura fir-realtà m’hemmx restrizzjoni fuq dan.
Bernard Grech qal ukoll li bħala avukat jinkwieta meta jkun hemm liġijiet li jikkontradixxu lil xulxin. Hu qal li din ġieli tiġri u ssir mingħajr l-intenzjoni li tinħoloq din is-sitwazzjoni. Iżda hu qal li l-kwistjoni dwar dan l-avviż legali hija li ‘il-liġi tal-protezzjoni tad-data li hija koperta b’mod assolut u b’mod ċar f’Kapitlu 440 tal-Liġijiet ta’ Malta tindika x’għandha tkun dik l-informazzjoni li għandha titqies u tinżamm bħala privata u propju din il-ġabra tal-informazzjoni skont l-avviż legali tmur kontra dan. Għalhekk iħoss li dan l-avviż legali għandu konotazzjonijiet perikolużi.
Mistoqsi jekk tkunx perikoluża li l-Ministru tal-Edukazzjoni jipprova jdaħħal dan l-Avviż Legali baxx, baxx minn wara dahar kulħadd, hu qal li dan huwa diskors politiku u hu ma jħossx li għandu jidħol fih fir-rwol tiegħu ta’ avukat. Hu sostna li l-fatti qegħdin hemm biex kulħadd ikun jafhom fosthom li bħalissa m’hemmx Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data u li dan l-avviż legali ġie ppreżentat f’dan iż-żmien. Hu żied li l-pubbliku għandu l-fatti u jista’ jasal għall-konklużjoni tiegħu.
Il-Minsitru se jkun jista’ jitlob data personali sensittiva
L-Avukat Adrian Delia qal li “l-ewwel irridu naraw jekk il-Ministru għandux ikollu dawn il-poteri u taħt liema parametri tal-liġi llum qed jiġi propost li joħodhom”. Hu spjega li l-Avviż Legali jirreferi għall-artiklu 54(1) tal-Att dwar is-Servizzi ta’ Impjieg u Taħriġ li jgħid li “l-Ministru jista’ jagħmel regolamenti b’mod ġenerali sabiex jagħti seħħ lid-disposizzjonijiet ta’ dan l-Att u għat-twettiq tagħhom, u b’mod partikolari, iżda mingħajr preġudizzju għall-ġeneralità ta’ dak imsemmi qabel, sabiex jipprovdi dwar kull ħaġa li hi meħtieġa jew awtorizzata b’dan l-Att.”
Adrian Delia spjega li l-artiklu msemmi jagħti poter lill-Ministru jagħmel regolamenti b’mod ġenerali fuq l-Att dwar is-Servizzi ta’ Impjieg u Taħriġ. Madankollu żied li “jidher li l-Att Dwar is-Servizzi ta’ Impjieg u Taħriġ qed jiġi interpretat li jista’ jwassal li l-Ministru jista’ jagħmel regolament fuq tfal tal-iskola li, għalija, b’din l-interpretazzjoni diġà qed inġebdu b’mod li l-leġiżlatur ma riedx u ma ħasibx għaliha taħt l-Att dwar is-Servizzi ta’ Impjieg u Taħriġ.”
Hu staqsa wkoll għaliex jekk l-informazzjoni se tintalab għal skop ta’ informazzjoni qed jingħata dan il-poter lill-Ministru. Hu qal li f’liġijiet oħrajn bħal, per eżempju, leġiżlazzjoni tat-taxxa, is-saħħiet u poteri jingħataw lill-Kummissarju tat-Taxxi u anke fl-Att dwar L-Edukazzjoni s-saħħiet u poteri li jitolbu informazzjoni ngħataw lill-Kummissjoni jew id-Direttorat. Hu saħaq li f’dan il-każ qed jintalab li l-poteri jingħataw lill-Ministru.
Adrian Delia qal li huwa “ħażin li dawn il-poteri jkunu fdati f’idejn il-Ministru nnifsu u mhux xi istituzzjoni li tipprovdi l-liġi u m’hemmx għalfejn ikun hemm interpretazzjoni taħt l-Att dwar is-Servizzi ta’ Impjieg u Taħriġ li tkun daqshekk wiesgħa.”
Hu qal li l-Kapitlu 440 tal-Liġijiet ta’ Malta dwar l-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data jagħmel distinzjoni bejn data ġenerali u dik li hija data sensittiva personali. Hu qal li l-Avviż Legali jidher li għalkemm fit-tieni parti tiegħu jitkellem fuq data li hija relatata mal-età, is-sess, il-kapaċità, grad ta’ edukazzjoni u data oħra, mhux qed jillimita ruħu għal dak biss. Adrian Delia żied li allura dan ifisser li “l-Ministru jista’ bis-saħħa ta’ dan ir-regolament jitlob data ukoll li tista’ tkun deskritta bħala data sensittiva personali.” Hu żied li però, ma jkunx hemm il-ksur fil-mument li jiddaħħal l-Avviż Legali imma fil-mument li l-Avviż Legali jiġi użat b’mod li jmur kontra id-diżpożjonijiet tal-Kapitlu 440. Hu qal li f’dan il-kuntest, “iva, jista’ jkun hemm il-ksur imma bir-regolament nnifsu ma jkunx seħħ il-ksur awtomatikament.”
Adrian Delia qal, “huwa perikoluż li l-informazzjoni tiġi awtorizzata li tkun mitluba minn Ministru u mhux minn istituzzjoni għar-raġuni li l-liġijiet tagħna dejjem jipprovdu għal-checks and balances li wieħed ma jingħatax poter iktar milli hemm bżonn u f’dan il-każ qed jiġi kkonċentrat il-poter f’idejn il-Ministru.” Hu spjega li normalment meta jkun hemm bżonn informazzjoni għal skop ta’ riċerka, ħlief meta l-informazzjoni tintalab għax ikun hemm ksur jew meta jkun hemm investigazzjoni bħal f’każi ta’ taxxi, l-informazzjoni tkun ġenerika.
Hu żied, “jiena ma niddejaqx li l-iskola tagħti informazzjoni fuq kemm hemm tfal, liema tfal ħadu liema suġġetti…. imma mhux li tidentifkahom b’mod personali”. Hu żied li hemm il-periklu li mhux qed tintalab data ġenerika imma data peresonali fuq kull individwu anke minorenni kontra mhux biss l-kunsens tiegħu imma mingħajr l-kunsens tal-ġenituri, hemmhekk jinsab il-periklu.”
Mistoqsi dwar r-reazzjoni tiegħu għall-fatt li dan l-Avviż Legali ddaħħal meta il-kariga ta’ Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data hija vakanti, Adrian Delia qal li jekk kien hemm xi ħaġa li intrinsikament jaqa’ taħt l-ipproċessar tad-data, “ikun prematur mgħaġġel u mhux xieraq li ssir leġiżlazzjoni bħal din, mingħajr ma jkun hemm konsultazzjoni dettaljata u ċara mal-Kummissarju tad-Data.”
//= $special ?>
