Skont rapport preżentat minn esperti dinjija f’Belrin, il-kapitali Ġermaniża, il-produzzjoni ta’ gassijiet li qed jagħmlu ħsara lill-klima dinjija qed ikomplu jiżdiedu u hemm bżonn miżuri drastiċi qabel ma jkun tard wisq.
Skont l-esperti tal-Intergovernmental Panel on Climate Change (IPCC), il-bniedem għad għandu ċans jirranġa xi ftit il-ħsara li saret imma ż-żmien hu limitat. L-esperti qalu li jekk il-bniedem irid jevita diżastru, allura hemm bżonn li tibda ssir xi ħaġa immedjatament.
Filwaqt li ntqal li l-bniedem kien se jħallas prezz għoli beix titranġa l-ħsara, intqal ukoll li hemm bżonn ta’ bidla radikali ta’ kif il-bnidem iħares lejn l-enerġija kif ukoll użu aktar ta’ enerġija meħuda mix-xemx u r-riħ.
Skont l-IPCC, għadu possibbli minn lat tekniku li l-livell tas-saħana dinija jitbaxxew għal livell aċċettabbli – żewġ gradi Celsius aktar meta mqabbla mat-temperatura dinjija qabel ma bdew l-industrki fuq skala kbira. Intqal li anki jekk xi pajjiżi qed jinpenjaw ruħhom aktar minn oħrajn, l-isforz ġenerali ntqal li kien batut minn dak li hu meħtieġ. Intqal li l-ħruġ ta’ gassijiet li qed jagħmel ħsara lill-atmosfera kompla jiżdied u saħansitra laħaq livelli rekord .
Intqal li hu meħtieġ li l-ħruġ ta’ dawn il-gassijiet jitnaqqas bejn l-40 u s-70 fil-mija sal-2050.
Ir-rapport tal-IPCC qal li jekk l-affarijiet ikomplu mixjin b’din ir-rata, ix-xenarju li se jħabbat wiċċu miegħu l-bnidem se jkun wieħed drammatiku bil-livell tal-baħar jiżdied drammatikament u jkun hemm fenomini ambjentali estremi.
L-ekonomista Ġermaniż Ottmar Edenhofer qal li l-bniedem ma setgħax jippermetti li jgħaddu għaxar snin mingħajr ma jsir xejn għaliex il-prezz li imbagħad se jħallas se jkun għoli ħafna.
//= $special ?>

