Għawdex

Via Sagra Animata u Ċenaklu Ħaj f’Għajnsielem Għawdex

B’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem u Fort Chambray Limited, l-Għaqda Drammatika Għajnsielem ser ittella’ Via Sagra b’differenza bl-isem Kont Hemm.

Kont Hemm hi Via Sagra drammatika ibbażata fuq l-iskrittura u li l-Beatu Ġwanni Pawlu II nieda f’Marzu tal-1991. Din tibda mill-Ġnien tal-Ġetsemani u tispiċċa ħdejn il-qabar. F’din il-Via Sagra niltaqgħu aktar mill-qrib mal-persunaġġi li għexu dik il-ġrajja. Kull stazzjon jiffoka fuq persunaġġ li jwassal rifflessjoni u ħsibijiet li jirriflettu s-sehem tagħna f’dik il-ġrajja.

Fosthom hemm Ġesu, Ġwanni, iċ-Ċenturjun, Marija ta’ Magdala u oħrajn. B’dawn ir-riflessjonijiet wieħed jidħol aktar f’din il-ġrajja li għadha sseħħ sal-lum. F’din il-Via Sagra li tibda minn Triq Lourdes, Għajnsielem, l-uddjenza issegwi mill-qrib il-persunaġġi u flimkien magħhom jimxu lejn is-sit storiku ta’ Forti Chambray fejn tiġi fit-tmiem din l-esperjenza.

L-Għaqda Drammatika Għajnsielem ġiet mwaqqafa fil-1987 bl-għan speċifiku li torganizza attivitajiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa, bl-attivita’ ewlenija tkun dramm tal-Passjoni li ta’ kull sena kienet tkun oriġinali. Dis-sena l-Għaqda xtaqet li tipperżenta xi ħaġa differenti u għalhekk ser noħorġu mill-qalba tar-raħal propajment fuq ir-riħ tal-Port tal-Imġarr.

Il-Kitba u d-direzzjoni hi f’idejn JoAnne Debrincat, filwaqt li d-direzzjoni artistika hi f’idejn Franco Ciangura. Jieħdu sehem madwar 40 atturi kif ukoll diversi nies wara l-kwinti.
Kont Hemm ser tiġi mtella’ nħar il-Ħadd il-Palm 13 ta’ April 2014 fis-6pm. Id-Dħul huwa b’xejn.

Attivita’ oħra li ttella’ ta’ kull sena l-Għaqda Drammatika Għajnsielem hi l-purċissjoni pageant f’Jum id-Duluri fejn madwar 90 persunaġġ jirrapreżentaw is-Sebgħa Duluri ta’ Sidtna Marija. Dil- purċissjoni tibda ħierġa mill-Knisja Parrokjali ta’ Għajnsielem fis-6.30pm nhar il-11 ta’ April 2014.

Ċenaklu Ħaj f’ta’ Passi, Għajnsielem, Għawdex

Għaqda Drammatika Għajnsielem ser tfakkar it-Twaqqif tal-Ewkaristija permezz ta’ rappreżentazzjoni tal-Aħħar Ċena fis-sit Ta’ Passi, fejn jittella’ Bethlehem f`Għajnsielem. Il-kamra li ntużat bħala l-grotta ser tinbidel f’Ċenaklu Ħaj fejn diversi atturi se jirrapreżentaw lil Ġesù u l-appostli fil-lejl tal-Ewkaristija. Fiċ-Ċenaklu ser jkun hemm ukoll kċina fejn ser jigi ippreparat ikel tradizzjonali tal-okkazzjoni. L-atmosfera u l-ambjent naturali flimkien mal-animali f’dan il-post, żgur se jgħinu biex kull viżitatur sabiex jgħix l-esperenzja ta’ dak iż-żmien.

Din l-attivita’ ser issir fil-lejl tal-Ħamis ix-Xirka, 17 ta’ April 2014 minn 8.00pm sa 11.00pm u f’għodwa tal-Ġimgha l-Kbira, 18 ta’ April 2014, minn 9.00am sa 12.00pm.