Internazzjonali

Xeni ta’ gwerra f’Slaviansk

Residenti ta’ Slaviansk kienu imwissija ma joħorġux minn djarhom hekk kif truppi Ureni taw bidu għal assalt kontra l-għassa tal-Pulizija ta’ din il-belt. Għassa li fi tmiem il-ġimgħa spiċċat f’idejn grupp ta’ irġiel armati li jridu l-għaqda mar-Russja.

Fil-ġlied li nqala’, tal-anqas suldat Ukren inqatel u ħamsa oħra ndarbu f’dik li kienet qed tkun deskritta bħala ħidma kontra t-terroristi. Rapporti qalu li kien hemm numru fost dawk li kienu ħatfu l-bini li kienu nqatlu jew indarbu.

Arsen Avakov, il-Ministru tal-Intern Ukren, qal li kien hemm nies li nqatlu fuq iż-żewġ naħat matul il-ġurnata tal-bieraħ. Apparti minn hekk madwar iz-zona tal-għassa tal-Pulizija f’Slaviansk kien hemm folla kbira ta’ nies li kienu qed jappoġġjaw lil dawk li ħatfu l-bini.

Hekk kif bdiet il-ħidma tat-truppi Ukreni, kien hemm rapporti li aktar bini fil-belt kien spiċċa f’idejn gruppit a’ uirġiel armati li jridu l-għaqda tal-belt mar-Russja. Slavinask tinsab madwar 150 kilometru mill-fruntiera Russa.

L-għassa ta’ Slaviansk kienet l-aħħar fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet li nħatfet minn gruppi ta’ irġiel armati fil-Lvant tal-Ukrajna. Dan kollu qed isseħħ hekk kif ix-xahar id-dieħel se ssir l-elezzjoni ġenerali. Elezzjoni li ssejħet wara li ftit ġimgħat ilu tneħħa mill-poter il-President Viktor Yanukovych.