Kummerċ Lokali

‘Code sharing’ bejn l-Air Malta u Air France

L-Air Malta u l-Air France laħqu ftehim bejniethom – magħruf bħala ‘code sharing’ – li se jwassal biex pajjiżna joffri aktar titjiriet ta’ konessjoni lejn diversi pajjiżi oħrajn. Permezz ta’ dan il-ftehim, persuni li jżuru is-sit elettroniku tal-Air France se jkunu jistgħu jibbukkjaw titjiriet tal-Air Malta minn Malta għal Pariġi jew minn Pariġi għal Malta.

Filwaqt li mis-sit tal-Air Malta wieħed se jkun jista’ jibbukja t-titjiriet li toffri l-Air France mill-kapitali Franċiża lejn diversi pajjiżi oħrajn madwar id-dinja.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Maniġer tal-Air France Benedicte Duval qalet li dan il-ftehim isaħħaħ l-offerta ta’ titjiriet lejn is-suq Malti. Hi qalet li l-Air France qegħda toffri lill-klijenti tagħha opportunitajiet li jippermettulhom jagħmlu konnessjoni ma’ kważi mitejn destinazzjoni madwar id-dinja.

Hi qalet li meta wieħed jibbukkja titjira tal-Air Malta lejn l-ajruport Charles de Gaulle f’Pariġi, se jkollu l-opportunita’ li imbgħad jagħżel connecting flight tal-Air France minn fost 76 destinazzjoni u li titlaq minn Pariġi f’temp ta’ erba’ sigħat minn meta tkun waslet it-titjira tal-Air Malta.

Filwaqt li min jagħżel it-titjira tal-linja nazzjonali tal-ajru Maltija lejn l-Ajruport ta’ Orly f’Pariġi, se jkun jista’ jagħżel minn fost 57 titjira ta’ konessjoni tal-Air France li jitilqu f’temp ta’ erba’ sigħat mill-wasla tat-titjira tal-Air Malta fi Franza.

Hi qalet ukoll li hemm offerta promozzjonali sas-7 ta’ Mejju għal titjiriet tal-Air France lejn Beijing filwaqt li sostniet li hemm domanda kbira mill-Maltin għal titjiriet tal-Air France lejn il-Kanada.

Il-Kap Kummerċjali tal-Air Malta, Philip Saunders spjega li permezz ta’ dan il-ftehim, il-klijenti tal-Air Malta se jibbenefikaw minn 20 servizz fil-ġimgħa bejn Pariġi, Lyon u Malta. Hu qal li dan il-ftehim jagħti valur miżjud lill-klijenti taż-żewġ linji tal-ajru, li għandhom għanijiet kommuni, dak li joffru servizz tajjeb lill-klijenti u li jsaħħu t-titjiriet ta’ konnessjoni. Hu qal ukoll li permezz ta’ dan il-ftehim, l-Air Malta qed tagħmel reġjuni ta’ Franza iktar aċċessibli għall-Maltin.