IĊ-ĊILI: Aktar minn 10,000 persuna kienu evakwati mill-belt port ta’ Valparaiso minħabba nar li ħakem l-inħawi u diġà kkawża l-mewt ta’ 12-il persuna.
Madwar 1,200 pulizija tat-tifi tan-nar qed jikkumbattu n-nar li beda s-Sibt u qered mijiet ta’ djar.
Il-President Michelle Bachelet, inkarigat lill-Armata biex tieħu ħsieb l-evakwazzjoni wara li l-belt kienet dikjarata bħala waħda ta’ diżastru.
Hemm tħassib li s-sitwazzjoni se tkompli tmur għall-agħar hekk kif hemm possibbiltà kbira li n-nirien jaslu sal-ċentru tal-belt. Iċ-ċentru ta’ Valparaiso hu meqjus bħala wirt dinji mill-UNESCO minħabba l-bini antik li hemm. Dan hu bini antik li hu vulnerabbli ħafna għan-nar.
In-nirien qed jiġu megħjuna minn riħ qawwi li hemm. Il-belt hi mibnija fuq sensiela ta’ għoljiet mifruda minn toroq dojoq u apparti l-kundizzjonijiet tat-temp, dan qed ifixkel ħafna l-ħidma tas-servizzi ta’ emerġenza.
Din hi t-tieni emerġenza kbira fiċ-Ċili f’anqas minn xahar. Fl-1 ta’ April kien hemm terremot tal-qawwa ta’ 8.2 fuq l-Iskala Richter fit-Tramuntana tal-pajjiż.
//= $special ?>

