Matul l-ewwel sena tal-Gvern Laburista, il-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali nefaq aktar minn €52,000 f’attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi, attivitajiet għal media bħal backdrops, dwal, sound – u faċilitajiet oħra awdjoviżivi. Fost dawn kien hemm aktar minn €29,000 f’attivitajiet marbutin mal-Ġimgħa tal-Faqar.
Dan ħareġ minn Risposta Parlamentari li l-Ministru attwali tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia ta għal Mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg. Din kienet biss waħda minn sensiela ta’ Mistoqsijiet li għamlet Buttigieg lill-Ministri u s-Segretarji Parlamentari dwar l-attivitajiet li organizzaw fl-ewwel sena tal-Gvern.
Mir-risposti li ngħataw jirriżultaw ħafna diskrepanzi, fejn fost l-oħrajn il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manwel Mallia wieġeb li mill-10 ta’ Marzu 2013 sad-9 ta’ April 2014 ma kienu organizzati l-ebda PR & Media Events mill-Uffiċċju tiegħu. Dan minkejja li dan il-Ministeru organizza numru kbir ta’ konferenzi tal-aħbarijiet u attivitajiet, fosthom iż-żjara li għamel lill-ħabsin ftit wara l-elezzjoni ġenerali.
Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, li matul is-sena li għaddiet kien Segretarju Parlamentari, organizza 50 attività u n-nefqa ammontat b’kollox għal madwar €25,000. Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona qal li b’kollox organizza 15-il attività b’nefqa ta’ kważi €11,000. Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes qal li organizza 42 attività u n-neqa b’kollox kienet ta’ €250,000.
Skont ir-regolamenti, meta n-nefqa ta’ xi attività partikolari tkun se taqbeż is-€6,000, trid toħroġ sejħa pubblika għal offerti. Mir-risposti li ngħataw lil Claudette Buttigieg, jirriżulta li mkien ma ntqal jekk saritx sejħa pubblika. Kien hemm ukoll Ministri u Segretarji Parlamentari li għadhom ma wieġbux il-Mistoqsija Parlamentari ta’ Claudette Buttigieg dwar in-nefqa u l-attivitajiet li organizzaw.
//= $special ?>

