Il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca ipproponiet li jinħatar Gwardjan tat-Tfal magħruf bħala ‘Guardian ad litem’ biex jissaħħaħ il-proċess ta’ adozzjoni tat-tfal. Hi qalet li dan għandu jsir biex jkompli jiġi assigurat li d-drittijiet tat-tfal jiġu mħarsa.
Marie Louise Coleiro Preca ressqet din il-proposta waqt laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-membri tal-Kabinett, li t-Tnejn filgħodu għamlulha żjara ta’ kortesija fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta.
Marie Louise Coleiro Preca qalet li l-‘Guardian ad litem’ diġà jifforma parti mill-abbozz tal-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u r-rwol tiegħu jkun li jħares u jippromovi l-aħjar interess tat-tfal. Hi qalet li b’dan il-mod it-tfal ikunu fiċ-ċentru tal-proċess tal-adozzjoni.
Marie Louise Coleiro Preca qalet li t-tfal huma l-futur tal-pajjiż għalhekk għandna dejjem nagħtu importanza lill-interessi tagħhom.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat awgura lill-President il-ġdid ta’ Malta u qal li jilqa’ b’mod pożittiv il-proposta li jkun hawn Gwardjan għat-Tfal.
Hu qal li diġa’ huwa evidenti mill-ewwel jiem tal-Presidenza ta’ Marie Louise Coleiro Preca li l-ħidma soċjali se tingħata importanza kbira.
Hu qal li l-Gvern imexxi minnu qiegħed iħares l-interessi tat-tfal u sostna li fi proċeduri bħal dawk ta’ ‘care order’ m’għandux jibqa’ jkun hemm persuni mill-kamp politiku involuti fid-deċiżjoni imma esperti fil-qasam.
Hu tkellem dwar il-Liġi tal-Unjoni Ċivili li aktar tard filgħaxija l-Parlament kellu jivvota dwarha. Joseph Muscat qal li din il-liġi se tkun żvilupp storiku li jippromwovi l-ugwaljanza. U li tippromwovi wkoll li deċiżjonijiet ta’ adozzjoni jittieħdu minn esperti fil-qasam u fl-interess tat-tfal.
//= $special ?>
