Internazzjonali

Ikompli l-inkwiet

L-UKRAJNA: Nies li jridu l-għaqda mar-Russja matul il-ġurnata tal-bieraħ ħadu l-kontroll ta’ bini ieħor tal-Gvern fil-Lvant tal-Ukrajna u injoraw deadline li kien inħareġ mill-Gvern Ukren biex jabbandunaw il-bini.

Folla nies ħadet il-kontroll ta’ għassa tal-Pulizija f’Horlivka qrib Donetsk.

Olxander Turchynov, il-President proviżorju Ukren, qal li dan kollu kien xogħol ir-Russja imma indika li forsi kien lest jaċċetta li jsir referendum nazzjonali. Imma fl-istess ħin reġa’ wissa li l-Gvern kien qed ilesti għal ħidma kontra t-terroristi fil-konfront ta’ dawk li ħadu l-kontroll tal-bini tal-Gvern f’diversi bliet fil-Lvant tal-Ukrajna.

Madwar il-bini li nħataf, apparti n-nies ġewwa l-bini li huma armati, hemm ukoll barrikati fit-toroq u folol ta’ nies madwar il-bini.

Qed isiru akkużi li dawn in-nies qed jitmexxew mis-servizzi sigrieti Russi u dan kollu qed iseħħ hekk kif il-pajjiż qed ilesti għal elezzjoni ġenerali fil-25 ta’ Mejju.

F’diskors lill-Parlament Ukren, Turchynov qal li ma kienx eskluż li l-Ukrajna minflok tibqa’ repubblika ssir federazzjoni fejn dawk li jitkellmu bir-Russu jingħataw drittijiet akbar.

Sadattant Sergei Lavrov, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu, qal li ma kienx fl-interess tar-Russja li l-Ukrajna tinqasam imma żied li Moska riedet li dawk kollha li jgħixu fl-Ukrajna jiġu stmati l-istess.

Hu ċaħad akkużi li kien hemm aġenti Russi jqanqlu l-inkwiet fil-Lvant tal-Ukrajna u talab spjegazzjoni għaliex John Brennan, il-kap tas-CIA, kien mar Kiev. Imma l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Ukren qal li kellu l-provi li truppi Russi kienu wara l-inkwiet u kien se jippreżenta l-provi waqt laqgħa tan-NU li se ssir aktar tard din il-ġimgħa.

Sadattant waqt laqgħa tal-emerġenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-Russja ħeġġet lill-Ukrajna biex ma tużax il-forza kontra dawk li qed jipprotestaw fil-Lvant tal-Ukrajna.
Il-Lvant tal-Ukrajna hu eqreb lejn ir-Russja u ħafna min-nies li jgħixu hemm jitkellmu bir-Russu.

Yuriy Sergeyev, l-Ambaxxatur Ukren għan-Nazzjonijiet Uniti, qal li dan l-inkwiet kollu kien inħoloq artifiċjalment mir-Russja.