Ambjent Lokali

Il-Gvern Laburista qed jinjora s-settur tal-ambjent

F’intervista ppubblikata fil-ħarġa tal-bieraħ ta’ The Sunday Times of Malta, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat stqarr li l-Ministeru tiegħu ma ġiex ikkonsultat fir-Reviżjoni tal-Politika dwar iż-Żoni Barra l-Iżvilupp (ODZ), li se jkollha impatt ambjentali sostanzjali.

L-ammissjoni ta’ Leo Brincat toħroġ fil-beraħ il-mod kif se jiġi mwarrab is-settur tal-ambjent għax hekk kif ġie injorat il-Ministru f’dan l-istadju, aħseb u ara kif se tiġi mwarrba l-Awtorità tal-Ambjent il-ġdida. Din tikkonferma wkoll dak li qalet l-Oppożizzjoni l-ġimgħa li għaddiet, jiġifieri li fis-separazzjoni tal-MEPA l-ambjent se jiġi relagat għat-tieni diviżjoni.

Fi stqarrija f’isem il-Kelliem għall-Iżvilupp Soċjali, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Charlò Bonnici u l-Kelliem għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi Ryan Callus, l-Oppożizzjoni staqsiet jekk il-Ministru Brincat lanqas fuq din ir-riforma ma ġiex konsultat, kif ukoll x’beħsiebu jagħmel biex jassigura li la hu, la l-Ministeru tiegħu u lanqas l-Awtorità li se titwaqqaf ma jispiċċaw f’pożizzjoni li kull darba li jsir abbuż ambjentali jispiċċaw biss jew jiċċassaw jew l-aktar l-aktar jipprotestaw wara li tkun saret il-ħsara.

Min-naħa tagħha, l-Oppożizzjoni ressqet numru ta’ proposti fil-Kumitat Parlamentari tal-Ambjent u l-Ippjanar dwar il-Policy tal-ODZ, intenzjonati biex filwaqt li jitħares l-ambjent, tiġi ffaċilitata l-ħajja tal-bidwi u r-raħħal ġenwin Malti. Fost dawn il-proposti, kien hemm li serer b’għoli ta’ aktar minn 2m ma jkunux jeħtieġu applikazzjoni sħiħa ta’ żvilupp, filwaqt li appoġġjat iż-żieda fid-daqs tal-kmamar tal-ħażna, hekk kif il-ħtigijiet tal-bidwi nbiddlu mas-snin.

Ikkummenta