Il-parkeġġi għal persuni b’diżabbiltà m’għandhomx jibqgħu personalizzati, ħlief għal sitwazzjonijiet partikolari. Dan qalitu l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà (KNPD) fi stqarrija maħruġa fid-dawl ta’ diversi lmenti li waslulha. Il-KNPD, li għadha kif għaddiet minn bidla fit-tmexxija tagħha, fakkret kif biex wieħed jikseb parkeġġ personalizzat bħalissa jrid ikollu l-badge blu umbagħad japplika ma’ Transport Malta, li tistħarreġ il-każ u tiddeċiedi jekk toħroġx permess jew le. Matul is-snin saru numru ta’ bidliet fil-parkeġġi riservati, fejn kien hemm żmien li dawn kienu personalizzati u żmien ieħor li ma kienux.
Il-KNPD qalet li temmen li l-parkeġġi riservati m’għandhomx ikunu personalizzati għajr għal każi partikolari, marbutin esklussivament mal-persuna b’diżabbiltà, bħall-kundizzjoni fiżika u faċilitajiet ta’ parkeġġi fil-viċinanzi. Fl-istess stqarrija, il-KNPD ħabbret li għaddejja b’diskussjonijiet ma’ Transport Malta biex dan is-servizz ikun wieħed ekwu, ġust u ta’ fejda għall-persuni b’diżabbiltà li verament għandhom bżonnu.
//= $special ?>