Minbarra l-vot dwar il-Mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar l-Avviż Legali mdaħħal mill-Gvern biex jiġbor l-informazzjoni dwar l-istudenti, illejla l-Parlament mistenni jivvota wkoll dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Unjoni Ċivili u fuq Emenda Kostituzzjonali li ressqet l-Oppożizzjoni biex il-persuni LGBT ikollhom il-protezzjoni massima tal-Kostituzzjoni. Id-dibattitu dwar din l-Emenda u anke dwar il-Liġi tal-Unjoni Ċivili diġà sar u l-votazzjonijiet tal-lejla huma biex dawn jiddaħħlu fis-seħħ.
L-Abbozz Privat tal-Oppożizzjoni kien tressaq f’Ġunju 2013 u jitlob li l-Kostituzzjoni ta’ Malta tiġi emendata ħalli tagħti protezzjoni massima lill-persuni LGBT. Din il-Private Members’ Motion kienet tressqet mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet Ċivili Claudette Buttigieg u l-ħsieb warajha hu li flimkien mar-razza, il-kulur tal-ġilda, ir-reliġjon, it-twemmin politiku u s-sess, il-Kostituzzjoni tagħti protezzjoni wkoll kontra diskriminazzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali. Din il-proposta kienet inkluża wkoll fil-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista. Biex dan l-Abbozz jgħaddi jeħtieġ vot ta’ żewg terzi tal-Membri Parlamentari minħabba li jitlob għal Emenda fil-Kostituzzjoni.
Iż-żewġ voti se jittieħdu wara d-9pm. Waqt li jkun għaddej il-vot, f’Misraħ San Ġorġ se jsiru ċelebrazzjonijiet organizzati mill-Malta Gay Rights Movement (MGRM), li f’sejħa għall-istampa ħabbret li l-komunità LGBT se tkun qed tiċċelebra l-introduzzjoni tal-Unjonijiet Ċivili f’Malta. Is-sejħa, għat-8.30pm, tgħid li ċ-ċelebrazzjoni se tinkludi s-sehem ta’ artisti u preżentaturi lokali, fosthom Ray Calleja, Chunky, Glen Vella, Claudia Faniello, Amber, Davinia, Daniel Testa, Muxu u Renato.
//= $special ?>

