Illejla l-Parlament se jiddibatti l-Mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni biex ikun revokat l-Avviż Legali 76 li daħħal baxx baxx il-Gvern u li permezz tiegħu l-Ministru tal-Edukazzjoni se jkollu aċċess għal informazzjoni sensittiva tal-istudenti. Id-dibattitu se jsir bejn is-6.30pm u d-9pm u s-seduta kollha hi ddedikata għal din il-Mozzjoni, li dwarha jittieħed vot fi tmiem is-seduta.
Id-dibattitu se jinfetaħ mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Joe Cassar u jingħalaq mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Iż-żewġ naħat tal-Kamra għandhom allokat siegħa u kwart kull wieħed għall-interventi tagħhom.
Kienu diversi l-kundanni li ħarġu fl-aħħar jiem għall-mod kif il-Gvern qed jagħti l-poter lilu nnifsu biex jakkwista informazzjoni personali fuq it-tfal mill-età taċ-Childcare sal-Università. Fost oħrajn, kien hemm reazzjonijiet minn diversi għaqdiet tal-istudenti u tal-ġenituri, li qajmu ħafna mistoqsijiet fosthom għaliex il-Gvern għandu bżonn din l-informazzjoni, u b’mod partikolari għaliex qed tintalab l-informazzjoni dwar il-Karti tal-Identità ladarba l-Gvern qed jgħid li għandu bżonn dan it-tagħrif purament għal skop ta’ riċerka.
Dubji oħra li qamu huma dwar kemm dan l-Avviż Legali jirrispetta l-Liġi dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data. Aktar u aktar, hekk kif ħareġ li l-Gvern mhux veru kiseb l-approvazzjoni tal-eks Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data, liema kariga bħalissa tinsab vakanti.
Sadanittant, wara l-KSU, l-MUT, l-MżPN, il-Forum Opportunitajiet Indaqs, l-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola u l-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri tat-Tfal fi Skejjel tal-Knisja, fl-aħħar sigħat tħabbar li l-Kapijiet tal-Iskejjel tal-Knisja kitbu ittra lill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, li fiha wrew it-tħassib tagħhom għal dan l-Avviż Legali.
Fl-ittra, il-Kumitat tal-Iskejjel tal-Knisja fi ħdan l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Privati elenka numru ta’ punti ta’ tħassib mhux biss dwar l-Avviż Legali, iżda wkoll dwar il-kwistjoni tal-banding.
Dwar l-Avviż Legali, qalu li huma nkwetati dwar l-implikazzjonijiet tiegħu u l-impatt negattiv li dan jista’ jkollu fuq l-awtonomija tal-Iskejjel. Filwaqt li fakkru li d-data tal-istudenti hi suġġett sensittiv ħafna, qalu li fl-Avviż Legali ma jidhirx li hemm mod kif wieħed jikkontrolla fejn se tintuża’ din l-informazzjoni personali tal-istudenti, b’mod partikolari jekk din tgħaddi f’idejn terzi persuni mingħajr awtorizzazzjoni tal-ġenituri.
Dwar il-kwistjoni tal-abbilitajiet imħallta, il-Kapijiet tal-Iskejjel tal-Knisja saħqu li għal żmien twil il-maġġoranza tal-Iskejjel Primarji tal-Knisja ħaddmu b’suċċess it-tagħlim lil tfal b’abbiltajiet imħallta. Għalhekk, l-esperjenza tal-passat, flimkiem mal-persentaġġ għoli ta’ studenti tal-Knisja li jkomplu bl-edukazzjoni post-sekondarja u terzjarja, huma indikaturi favur din is-sistema. Minbarra f’dan, qalu l-Kapijiet tal-Iskejjel tal-Knisja, huma jemmnu b’qawwa fil-ħtieġa li jkunu mħarsa l-awtonomija u l-karattru partikolari tagħhom u għalhekk jirriservaw id-dritt li jiddeċiedu huma dwar l-organizzazzjoni tal-Iskejjel tagħhom, inkluż fuq kif jiġu mqassma fi gruppi l-istudenti u anke dwar it-tagħlim tar-Reliġjon.
L-ittra tfakkar ukoll li kemm il-Kumitat tal-Iskejjel tal-Knisja kif ukoll il-Kapijiet ta’ dawn l-Iskejjel b’mod individwali diġà għaddew l-osservazzjonijiet tagħhom dwar tibdil fil-Liġi tal-Edukazzjoni, filwaqt li esprimew it-tama li l-Kapijiet tal-Iskejjel mhux tal-Istat, kemm tal-Knisja u anke dawk Indipendenti, ikunu rappreżentati f’diskussjonijiet futuri u deċiżjonijiet dwar il-White Paper dwar l-Istrateġija Edukattiva għal Malta għall-perjodu bejn l-2014 u l-2024, speċjalment għax parti kbira mill-istudenti Maltin jattendu f’dawn l-Iskejjel.
//= $special ?>

