Internazzjonali

Ir-Russja u ċ-Ċina qed jonfqu aktar fuq l-armi

L-IŻVEZJA: Għall-ewwel darba mill-2003, ir-Russja qed tonfoq aktar mill-Istati Uniti fuq il-militar.

Matul l-2013, ir-Russja nefqet proporzjon akbar tal-ġid tal-pajjiż fuq il-militar, minn kemm nefqet l-Istati Uniti.

Minkejja dan id-distakk bejn iż-żewġ pajjiżi xorta waħda l-Istati Uniti għadha minn fuq.
Dan skont ċifri maħruġa minn Stockholm International Peace Research Institute (Sipri), istitut ewlieni fir-riċerka fil-qasam militari.

Pajjiżi tal-Punent, fosthom ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, naqqsu l-infiq militari imma r-Russja żiditu b’4.8 fil-mija matul l-2013 għal total ta’ 88 biljun dollaru Amerikan.

Iċ-Ċina u l-Arabja Sawdija huma fost dawk il-pajjiżi li s-Sipri sab li kienu żiedu n-nefqa militari.
Iżda b’mod ġenerali, l-infiq militari madwar id-dinja matul l-2013  naqas bi 1.9 fil-mija.

Mill-istħarriġ tas-Sipri, irriżulta li l-infiq militari mill-Gvern ta’ Londra laħaq l-anqas livell minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija.

Fil-każ tar-Russja, Moska qed timmira li tonfoq 705 biljun dollaru sal-2020 biex timmodernizza 70 fil-mija tat-tagħmir militari fil-pajjiż. Għalkemm il-militar Russu, bi 850,000 suldat, hu l-akbar fir-reġjun, ħafna mit-tagħmir hu antikwat.

L-akbar qabża fl-infiq militari fid-dinja ġejja mill-Afganistan li fl-2013 irreġistra żieda ta’ 77 fil-mija. Dan riżultat tal-isforz biex il-pajjiż jibni armata.

Fil-Lvant Nofsani l-infiq militari matul l-2013 żdied b’erbgħa fil-mija għal total ta’ 150 biljun dollaru filwaqt li fl-Afrika l-infiq żdied bi tmienja fil-mija fl-2013.