Lokali Qorti

JPO jitlef il-libell kontra Alfred Sant dwar il-każ tal-Mistra

Jeffrey Pullicino Orlando tilef il-kawża ta’ libell għad-danni li kien ippreżenta fit-3 ta’ Marzu 2008 kontra Alfred Sant, dak iż-żmien il-Kap tal-Oppożizzjoni u Mexxej tal-Partit Laburista, fuq kummenti inkonnessjoni mal-kontroversja tal-permessi fil-Mistra. Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Francesco Depasquale qal li dak li qal Sant f’konferenza stampa li saret ftit tal-jiem qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2008 jikkonsisti f'”fair comment“.

Il-Qorti qalet li l-kumment ma kienx malizzjuż u li l-opinjoni ta’ Alfred Sant u kif ivvalutat minnu, kif ukoll kif fehmu hu, kien ibbażat fuq kif kienu evolvew iċ-ċirkostanzi dak iż-żmien u għalhekk kellu dritt jiddeċiedi dwarhom kif ħass hu. Il-Qorti kompliet tgħid li Sant, bħala Kap tal-Oppożizzjoni, kellu d-dmir ma jaqbilx fuq dak li kien qed jingħad. Il-kummenti tiegħu kienu jagħmlu parti minn dibattitu politiku li għandu jiġi protett mill-Qorti.

Jeffrey Pullicino Orlando kien ippreżenta l-każ fil-Qorti tal-Maġistrati għax kien ħassu malafamat wara konferenza stampa li Sant kien għamel fil-Mistra, San Pawl il-Baħar, is-Sibt, 1 ta’ Marzu 2008. Skont JPO, bħal ma kien għamel matul il-kampanja elettorali Sant tefa’ l-ħmieġ billi qal kliem malafamanti li jirrigwardja korruzzjoni. Skont Pullicino Orlando, li mistenni jappella mis-sentenza, dan id-diskors sar bil-ħsieb li jnaqqas ir-reputazzjoni tiegħu bħala Membru Parlamentari.