Lokali Qorti

Klijent tal-Banif jgħid li nsterqulu €8,000 mill-kont tiegħu permezz tal-“hacking”

Klijent ta’ bank ippreżenta protest fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-“Banif Bank” fejn qed jallega li €8,000 kienu misruqin mill-kont tiegħu permezz tal-“hacking”.  Benjamin Curmi qal li fl-4 ta’ Lulju tas-sena l-oħra  huwa skopra, li s-somma ta’ €8,000 kienu nġibdu mill-kont tal-bank tiegħu permezz tal-“internet banking”, u dan mingħajr lanqas biss huwa kien jaf.

Is-somma ġiet depożitata f’kont bankarju barra l-pajjiż f’isem xi ħadd li hu lanqas biss jaf min hu. Curmi qal li b’mod immedjat kien kellem u anke pprotesta mal-Banif  minħabba dak li kien ġara.

Wara nvestigazzjonijiet li saru mill-istess bank, irriżulta li minn ġibed mill-kont kien xi ħadd li qed juża “IP address” Malażjan. Curmi qal fil-protest tiegħu li din il-persuna mhux magħrufa kellha d-dettalji preċiżi biex taċċessa l-kont tiegħu, u l-kontijiet ta’ mill-anqas tliet persuni oħra.

Curmi  qal ukoll li l-bank Banif irrifjuta li jagħtih l-informazzjoni li huwa talab biex jipprova x’kien seħħ, u dan fuq il-pretest tal-kunfidenzjalita’. Huwa qal li persuna li kellha aċċess għall-kont tiegħu seta’ jagħmel dan biss b’informazzjoni nterna mill-bank, jew inkella minħabba xi sistema tal-bank li ma ħadmitx sew. Huwa żamm lil bank responsabbli u qed jitlob li jingħata lura flusu flimkien ma’ spejjeż oħrajn relatati.