Lokali

L-NCPE bi proġett ko-finanzjat mill-UE għal aktar riċerka u għarfien dwar il-vjolenza fuq in-nisa u t-tfajliet

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) ħabbret li se tkun qed tinvesti fi proġett ta’ €375,000 ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea, immirat lejn riċerka u aktar għarfien dwar il-vjolenza fuq nisa u tfajliet. Il-Kummissarju tal-NCPE Reneé Laiviera qalet li l-proġett bit-titlu “Forms of Violence in Malta, A Gender Prespective” għandu l-għan li jsaħħaħ il-miżuri favur il-prevenzjoni tal-vjolenza u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

Therese Spiteri, Manager tal-Kummissjoni, spjegat li l-proġett se jinkludi riċerka dwar il-vjolenza fuq nisa u tfajliet, kif ukoll kampanja ta’ informazzjoni u taħriġ immirata għal professjonisti li jaħdmu ma’ vittmi ta’ vjolenza. Hi spjegat li l-proġett se jwassal ukoll biex isiru messaġġi għal kull tip ta’ media biex tinħoloq aktar kuxjenza dwar il-vjolenza u d-dritt li wieħed jgħix ħajja ‘il boghod mill-vjolenza u l-abbuż. Hi qalet li dawn l-inizjattivi se jsiru sa Diċembru 2015.

Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u d-Drittijiet ċivili Helena Dalli qalet li l-vjolenza qatt ma tista’ tiġi ġġustifikata. Hi kkwotat studju ta’ Amnesty International, li jgħid li waħda minn kull tliet nisa jsofru vjolenza jew abbuż minn tal-anqas darba f’ħajjithom. Hi fakkret li emendi riċenti fil-Kodiċi Kriminali għamlu l-mutilazzjoni tal-ġenitali tal-mara bħala reat u fakkret li Malta qed ikollha numru sostanzjali ta’ nisa li jkunu qed ifittxu l-ażil u li ġejjin minn komunitajiet fejn din il-prattika tkun parti mill-kultura tagħhom.

Waqt diskussjoni dwar dan il-proġett, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għad-Djalogu Soċjali u d-Drittijiet Ċivili Claudette Buttigieg ipproponiet li jingħata wkoll taħriġ lill-Uffiċjali tal-Pulizija fuq kif jitrattaw każi ta’ vjolenza fuq in-nisa. Hi qalet li l-Kumitat Parlamentari tal-Affarijiet Soċjali ltaqa’ ma stejjer ta’ vittmi tal-vjolenza, li wrew li jeħtieġ jingħata aktar taħriġ professjonali lill-Pulizija fuq kif jitrattaw ma’ dawn it-tip ta’ vittmi. Hi sostniet li għandha ssir ukoll diskussjoni dwar il-proċeduri tal-Qorti ħalli jkun assigurat li l-vittma ma tiffaċċjax diffikultajiet oħra minbarra dawk li tkun diġà sofriet minnhom.