Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni se tkompli taħdem kontra l-abbuż ta’ privatezza tat-tfal

Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Avviż Legali qed jagħti poteri wiesa’ lill-Ministru tal-Edukazzjoni fuq informazzjoni personali tat-tfal minn meta jidħlu fil-kindergarten sakemm itemmu l-aħħar sena fl-universita’.

B’dak li qed jaħgmel il-Gvern qed juri li jew għandu intenzjonijiet ħżiena jew allura jikkonferma li mhux kompetenti.
L-oġġezzjoni kontra dan l-Avviż Legali mhix ġejja mill-Oppożizzjoni biss iżda anke minn setturi oħra fosthom l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Privati permezz ta’ ittra miftuħa.

Minkejja li l-Ministru tal-Edukazzjoni qal li se jikkonsulta mal-Oppożizzjoni baqa’ ma għamel l-ebda konsultazzjoni.

Simon Busuttil qal li dan mhux il-mod kif il-Gvern għandu jgħin lil min irid isib ix-xogħol. Il-poteri li jagħti dan l-Avviż Legali imorru ‘il hinn minn dak meħtieġ. Tista’ ssir riċerka mingħajr ma jingħataw poteri li jiksru d-dritt tal-ħarsien tad-data. Il-Ministru qed jieħu poteri wiesa’ u ambigwi meta ma hemmx bżonn tagħhom. Il-Ministru messu illimita l-poteri li ta lilu nnifsu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa għaliex l-informazzjoni se tingħata direttament lill-Ministru. L-Avviż Legali jindividwa lill-Ministru u mhux lis-Segretarju Permanenti.

Mhix meħtieġa li tintalab informazzjoni personali biex jitfasslu policies dwar l-impjiegi. Lanqas mhu meħtieġ li tintalab informazzjoni ta’ studenti minn childcare centres.

Simon Busuttil qal li l-Avviż Legali hu nieqes minn sens ta’ dak li hu bilanċjat u qed jitlob informazzjoni żejda għall-iskop li qed jgħid li jridha l-Ministru. Qed jitlob l-informazzjoni mingħajr il-kunsens tal-ġenituri anke jekk il-ġenituri ma jagħtux il-kunsens biex tingħata l-informazzjoni.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Gvern irid li jkun hu u mhux l-individwu li jiddeċeidi x’informazzjoni dwaru tingħata.

Mhux minnu li l-Oppożizzjoni hi kontra x-xogħol, l-istudenti jew it-tfal. Il-PN ta prova dwar il-ħolqien tax-xogħol. L-Avviż Legali jagħti poteri mingħajr limitu għalhekk jitqanqlu mistoqsijiet dwar min se jkollu aċċess għall-informazzjoni.

L-Oppożizzjoni mhix tgħid li l-Ministru għandu intenzjonijiet ħżiena iżda ma għandux ikollu poteri mingħajr limitu li bihom jikser id-drittijiet fundamentali tat-tfal għall-privatezza tagħhom.

Simon Busuttil qal li sar ħafna diskors dwar il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-data. Il-Gvern ilu biex jappunta Kummissarju aktar minn xahar u nofs. Fl-istess ħin li ma hemmx Kummissarju, il-Gvern qed jgħaddi Avviż Legali li dwaru hemm oġġezzjoni.

Simon Busuttil qal li quddiem il-Kummissarju tad-Data jkun jista’ jressaq ilment dwar dan l-Avviż Legali. Imabgaħd ikun jista’ jmur quddiem it-Tribunal, Quddiem il-Qorti u anke quddiem il-Qorti Ewropea jekk l-ilment ma jiġix aċċettat. Filwaqt li l-Gvern irid ikun jaf kull informazzjoni dwar kull individwu, hu jibqa’ jaħbi informazzjoni li ilha tintalab dwar ħatriet li għamel.

Simon busuttil qal li fl-isetss lejl li fiha qed tkun dibattuta liġi dwar l-unjoni ċivili qed tkun diskussa liġi dwar drittijiet tal-bniedem. Fl-isetss lejl li fiha l-Gvern se jkun qed jiftaħar li jħares id-drittijiet tal-bniedem, se jkunu qed jiksru fl-istess waqt id-drittijiet tal-bniedem.

L-Oppożizzjoni se tivvota kontra l-Avviż Legali u se tkompli taħdem kontra l-abbuż ta’ privatezza tat-tfal. Jekk il-Gvern jemmen tassew fid-drittijiet ċivili għandu jaqbel mal-Oppożizzjoni.

 

Paula Mifsud Bonnici

Id-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici qalet li minn dak li qal il-Ministru tal-Edukazzjoni, aktar tikkonkludi li l-Avviż Legali inkwistjoni sar b’qerq. Jidher li l-Gvern ma tax każ ta’ Liġijiet u Regolamenti oħra li jeżistu. L-Avviż Legali jgħid li dan qed isir skont il-Liġi li twaqqaf tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC).

Minbarra li dan mhux minnu, il-Ministru qed jieħu poteri li lanqas l-istess ETC m’għandha. Il-Gvern irid ibellagħha lil kulħadd li dak li qed jagħmel qed jagħmlu skont il-Liġi. Dak li qed jagħmel il-Gvern qed iwessa’ l-poteri tiegħu permezz tal-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Paula Mifsud Bonnici staqsiet kif informazzjoni dwar tifla jew tifel li jkunu għadhom kif daħlu f’childcare centre se sservi biex il-Gvern jaħseb għall-prospetti tagħhom għad-dinja tax-xogħol. Staqsiet ukoll għaliex il-Gvern mhux jitlob il-kunsens tal-ġenituri. Il-fatt stess li mhux jitlob il-kunsens juri li l-iskop għall-ġbir tad-data jmur lil hinn mill-ġbir ta’ informazzjoni.

Paula Mifsud Bonnici qalet li jekk m’hawnx Kummissarju tal-Ħarsien tad-Data, m’hemmx quddiem min il-ġenituri jressqu xi ilmenti li jista’ jkollhom.

 

Claudette Buttigieg

Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li l-argument li għamel id-Deputat Laburista Agius Decelis jikkonferma l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni. L-informazzjoni li qed tintalab mill-Arċipriet tal-Mosta hi bi kwestjonarju jiġifieri fil-permess tal-individwu.

Claudette Buttigieg qalet li l-ġenituri jiġu mitluba kull darba li ssir attivita’ fl-iskejjel jiġu mitluba l-permess f’kull okkażjoni. It-tfal huma tal-ġenituri u mhux tal-istat qalet, id-Deputat Nazzjonalista.

Hi tal-mistħija li l-Gvern għadu ma ħatarx Kummissarju tad-Data. Jekk verament l-informazzjoni qed tinġabar biex ikunu mħarsa l-persuni vulnerabbli, il-Gvern qed jinsa li hemm istituzzjonijiet oħra li jista’ jagħmel. Jekk hemm xi ħadd li jrid informazzjoni dwar l-ulied għandu jitlob din l-informazzjoni lill-ġenituri.

 

Mario de Marco

Id-Deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal li direttiva li ngħatat mill-UE biex tħares is-sigurta’ taċ-ċittadini ġiet dikjarata mill-Qorti Ewropea bħala li tmur kontra d-dritt tal-privatezza tal-individwu.

Mario de Marco qal li f’sitwazzjonijiet bħal dawn hu interessanti li wieħed jara x’inhu l-akbar interess. Ħadd ma għandu jkun f’sitwazzjoni li jħossu mhedded jew f’sitwazzjoni ta’ biża’.

Iċ-ċittadin irid il-protezzjoni tal-istat, id-dritt ta’ għajxien aħjar u d-dritt li jkollu xogħol. Għalhekk hu aċċettat li jinġabru dettalji personali. Fil-ġirja biex tkun imħarsa d-dinjita’ tal-bniedem, il-bniedem stess ċeda d-dinjita’ tiegħu billi sar numru fis-soċjeta’.

Mario de Marco qal li l-Avviż Legali se jippermetti l-Ministru jiġbor l-informazzjoni kollha tal-istudenti individwali b’dettalji li jinkludu wkoll ir-riżultati. Dan it-tip ta’ poter hu eċċessiv għaliex hi informazzjoni personali u eċċessiva.

Id-Deputat Nazzjonalista staqsa min se jkollu aċċess għall-informazzjoni miġbura, min se jħaddimha, x’se jsir minnha, hix se tinqered meta l-istudent ma jibqax student jew jekk hix se tibqa’ hemm meta l-istudent jidħol fid-dinja tax-xogħol.

Mario de Marco qal li l-Oppo]izzjoni se tkun wara l-Gvern kull meta jieħu inizjattivi biex joħloq aktar opportunitajiet ta’ xogħol.Iżda mhix lesta tun kompliċi fejn il-Gvern jipprova jkasbar id-drittijiet taċ-ċittadin aktar u aktar meta hemm lok li jsir abbuż minnu.

L-Oppożizzjoni taqbel mal-għan tal-Avviż Legali iżda mhix taqbel mal-mod kif qed jipproponi li jintlaħaq dan l-għan. Il-vot tal-Oppożizzjoni se jkun favur id-dinjita’ tal-bniedem.

 

Evarist Bartolo

Il-Ministru Evarist Bartolo qal li fis-snin li ilu fil-Parlament dejjem iġġieled favur id-drittijiet tal-bniedem fosthom id-dritt għall-ħarsien tad-data. Hu qal li l-Avviż Legali ġie għaliex irid jgħin lit-tfal li jaqgħu lura u lit-tfal b’diżabbilta’ biex isibu x-xogħol. Mhux biżżejjed li tinġabar statistika iżda hi meħtieġa informazzjoni biex tindividwa l-persuni f’diffikulta’.

Evarist Bartolo qal li l-liġijiet eżistenti diġa’ tippermetti li l-Ministru jkollu aċċess għall-informazzjoni personali ta’ studenti.
Min-naħa tal-Oppożizzjoni id-Deputat Nazzjonalista David Agius irrimarka li f’dawn il-każi jkun hemm il-permess tal-ġenituri.

Evarist Bartolo qal li meta ma jkunx hemm il-kooperazzjoni tal-ġenituri, hu għandu dmir li jħares l-interess tat-tfal xorta waħda. Il-liġi tippermetti wkoll li tinġabar informazzjoni anke meta ma jkunx hemm il-kunsens tal-ġenituri.

Il-Ministru qal li l-Gvern irid ikun jaf min huma dawk l-40 fil-mija studenti li meta jispiċċaw mill-iskola obbligatorja ma jkomplux l-istudji tagħhom u ma jidħlux fid-dinja tax-xogħol.

Evarist Bartolo qal li f’kuntatti li saru il-Kummissarju tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tad-Data inżamm infurmat dwar il-ħsieb li jkun ippubblikat dan l-Avviż Legali u kien hemm il-kunsens. F’dawn il-laqgħat minbarra li ngħatat informazzjoni tressaq ukoll abbozz u kien hemm parir favur.

Il-Ministru sostna li kien fuq parir tal-Uffiċċju tal-Kummsarju tad-Data li kien meħtieġ Avviż Legali biex jintalab in-numru tal karta tal-identita’. Dan kollu kien meta bħala Kummissarju tad-Data kien hemm persuna li kienet maħtura mill-amministrazzjoni preċedenti.

Evarist Bartolo qal li fl-aħħar 40 sena dejjem ħadem fil-qasam edukattiv u kellu kemm-il darba informazzjoni personali iżda ħadd qatt ma jista’ jakkużah li abbuża minn din l-informazzjoni. Hu qal li ma jistax jagħmel tracer study minn sempliċi statistika. Dak li jinteressah il-Gvern hu l-kisbiet edukattivi li jsiru mit-tfal u r-relazzjoni tal-ħiliet tagħhom mad-dinja tax-xogħol.

Il-Ministru Bartolo qal li dak li jinteressah mhux biss l-istatistika li diġa’ teżisti iżda jinteressah ikun jaf min huma l-individwi biex ikunu avviċinati ħalli jidħlu lura fis-sistema edukattiva jew fid-dinja tax-xogħol. Hu ma għandu l-ebda diffikulta’ li jdaħħal kull provvediment meħtieġ biex tkun imħarsa l-informazzjoni u kif titħaddem fuq direzzjoni tal-Kummsisarju tad-Data.
Joe Cassar

Wara li ressaq il-mozzjoni, id-Deputat Nazzjonalista Joe Cassar qal li hemm diversi raġunijiet għaliex qed jintalab it-tħassir ta’ dan l-Avviż Legali. L-Avviż jgħid li kull istituzzjoni edukattiva hi obbligata li tagħti t-tagħrif mitlub mill-Ministru. Tinkludi wkoll lill-iskejjel li ma jsegwux is-sistema edukattiva Maltija. L-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Privati bgħatet ittra miftuħa lill-Prim Ministru dwar l-inkwiet li għandha dwar dan l-Avviż Legali. Dawn l-iskejjel imorru fihom 40 fil-mija tal-istudenti kollha fil-pajjiż.

Joe Cassar staqsa għaliex qed jintalab li l-informazzjoni tintbagħat lill-Ministru. Il-Ministru qed jieħu l-poter ta’ kontrullur tad-data. Fost id-data mitluba hemm in-numru tal-karta tal-identita’. Dan juri li l-Ministru hu interessat li jidentifika l-istudent partikolari u mhux jinteressah mill-abiltajiet tiegħu.

Id-Deputat Nazzjonalista staqsa x’interess għandu jkollu l-Ministru f’dettalji personali meta suppost l-interess tiegħu għandu jkun fuq kategorija u mhux fuq individwu. Jekk ikun hemm xi raġunijiet għaliex ikun meħtieġ tintalab informazzjoni personali dan għandu jsir wara li ssir talba lill-ġenituri tal-istudent partikolari.

Poter ieħor li qed jitlob il-Ministru hi li jingħata informazzjoni personali tal-persuni li qed jirreġistraw. Dan il-poter għandu jibqa’ għand il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (ETC).

Joe Cassar qal li direttivi tal-UE jispeċifikaw li għal skopijiet ta’ statistika mhux meħtie; li tingħata informazzjoni personali anzi l-informazzjoni personali għandha tkun protetta.

Joe Cassar qal li l-Gvern Laburista Malti jrid ikun il-‘Big Brother’.