Edukazzjoni Lokali

L-SDM fil-KSU iridu jwettqu politika inklussiva fl-Università

Wara r-rebħa kbira fl-elezzjoni għall-Kunsill Studenti Univrsitarji (KSU) mill-iStudenti Demokristjani Maltin (SDM), li kisbu 61% tal-voti, l-uffiċjali l-ġodda tal-KSU sostnew li se jkunu qed iwettqu politika inklussiva li fiha l-istudenti universitarji kollha jistgħu jipparteċipaw. F’konferenza tal-aħbarijiet fuq il-Kampus tal-Università, il-President il-ġdid tal-KSU Gayle Lynn Callus qal l-KSU se jibda mmedjatament iwettaq proġetti li kienu mwegħda qabel l-elezzjoni.

Mistoqsi dwar in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet għall-KSU, Callus qal li dan hu dovut għall-fatt li fl-Università m’hemmx problemi ta’ nuqqas ta’ korsijiet jew problemi oħrajn marbuta mal-edukazzjoni. Għalhekk, l-istduenti jħossuhom siguri mill-futur tagħhom. Jirrizulta, sostna l-President il-ġdid tal-KSU, li l-akbar problema li għandhom l-istudenti tal-Università hi l-parkeġġ, li bla dubju hi problema sekondarja ħdejn dawk li jiffaċċjaw studenti f’universitajiet barranin.

Fl-aħħar elezzjoni tal-KSU vvutaw 4,200 student minn popolazzjoni ta’ 12,000. L-SDM wettaq rebħa rekord b’distakk li qatt ma kien hemm qabel fl-istorja tal-elezzjonijiet tal-istudenti bejn iż-żewġ għaqdiet li pparteċipaw. Quddiem din ir-realtà, il-KSU se jkun impenjat li jaddotta politika li tinkoraġixxi aktar studenti jersqu lejh biex effettivament tiżdied il-parteċipazzjoni. Gayle Lynn Callus qal l-KSU se jaħdem ukoll ma’ organizzazzjonijiet oħrajn biex l-istrateġija favur l-istudenti titwettaq flimkien. Il-KSU se jkun qed iħeġġeġ ukoll aktar diskussjoni fl-Università.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-President tal-SDM Joseph Grech, li qal li l-aħħar elezzjoni kienet eżempju ta’ kif għandhom jitmexxew l-elezzjonijiet stdenteski. F’isem l-SDM, Joseph Grech irringrazzja lill-membri tal-għaqda l-oħra tal-istudenti, Pulse, li pparteċipaw fl-elezzjonijiet u taw il-kontribut tagħhom. Mistoqsi dwar il-kunsiderazzjoni li jkun hemm bidla fil-mod kif issir l-elezzjoni fl-Università biex blokk sħiħ ma jibqax barra mill-Kunsill, il-President il-ġdid tal-KSU qal li din hi proposta li ilha tkun diskussa u li biex tkun approvata trid titressaq fil-Laqgha Ġenerali.