Ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Kunsill Studenti Universitarji – li fiha jivvutaw ukoll l-istudenti tas-Sixth Form tal-gvern – kienet sinjal li mhux kollox sew fl-edukazzjoni. Ir-rebħa tal-Istudenti Demokristjani Maltin fuq l-għaqda Pulse (li hi stess tiddeskrivi lilha nnifisha bħala xellugija u Soċjal-Demokratika) kienet l-aktar waħda qawwija li qatt kellha l-SDM fuq il-Pulse; 61% għall-SDM kontra 39% għall-Pulse.
Barometru tal-futur
L-Università għandha tkun – u fil-fatt hekk hi f’miżura kbira – barometru tal-futur u tal-ħsieb żagħżugħ li għad imexxi l-pajjiż ‘il quddiem. U l-Università tfisser fil-binja tagħha u fl-ammonti kbar ta’ studenti u korsijiet li għandha llum id-differenza fl-edukazzjoni u fix-xogħol bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista.
Rigali ta’ gvernijiet Nazzjonalisti lill-poplu Malti
Il-binja nnifisha tal-Università f’Tal-Qroqq kienet ir-rigal tal-Indipendenza li l-Gvern Nazzjonalista ta lill-poplu Malti fil-kisba tas-sovranità tiegħu, bl-ewwel ġebla titqiegħed proprju l-għada tal-Indipendenza, fit-22 ta’ Settembru 1964.
Il-binja tas-Sixth Form fl-Imsida, fejn Gvern Nazzjonalista wara l-Indipendenza kien waqqaf l-ewwel MCAST f’Malta, hi x-xhieda tat-twemmin ewlieni tal-Partit Nazzjonalista li x-xogħol tajjeb hu riżultat ta’ edukazzjoni, tħejjija u taħriġ tajbin.
U l-ammonti kbar ta’ studenti li hemm illum fl-Università, fis-Sixth Form, fil-Higher Secondary u fil-ħafna kulleġġi tal-MCAST kollha qed igawdu l-ħidma kbira ta’ gvernijiet Nazzjonalisti fl-edukazzjoni.
Esperimenti ideoloġiċi mil-Labour fl-edukazzjoni
Il-Partit Laburista, min-naħa l-oħra, fl-edukazzjoni għamel u għadu qed jagħmel s’issa, esperiment ideoloġiku. Hemm elementi li qed jinżammu mill-wirt kbir ta’ gvernijiet Nazzjonalisti fl-edukazzjoni u allaħares ma jkunx hekk. Imma l-leblieba tal-Labour biex jisserva bit-tfal u bl-istudenti donnha ma tgħaddilu qatt.
Waqfien tal-programmi qawwijin tal-gvern ta’ qabel
Illum, il-gvern Laburista reġa’ beda bl-esperimentazzjoni fl-edukazzjoni bi ftit li xejn konsultazzjoni ma’ dawk interessati, mhux l-anqas il-ġenituri. Il-gvern Laburista waqqaf il-programm tal-bini ta’ skejjel ġodda li kien qed iwettaq il-gvern ta’ qabel. F’din qed ikompli sewwa mal-imgħoddi tal-Labour għax mill-iskejjel li hawn fil-pajjiż, m’hawnx aktar minn waħda li nbniet minn xi gvern Laburista.
L-ebda pjan għax-xogħol u għall-edukazzjoni
Il-gvern Laburista m’għandu l-ebda pjan għax-xogħol fil-futur u allura m’għandu l-ebda pjan għall-edukazzjoni u t-taħriġ li hemm bżonn għall-investiment, l-industriji u l-impjiegi tal-futur. Il-pjan li ħareġ bih issa hu kif se jkun jaf kollox fuq kull student sa mill-ewwel sena tal-iskola; pjan jinten b’riħa ta’ ħasil tal-imħuħ li jqanqal is-suspett li l-Labour reġa’ qed jipprova jibni dik li hu stess kien sejjaħ ‘ġenerazzjoni Soċjalista’.
Messaġġ ċar bil-vot ta’ 61% għall-SDM
Għalhekk, il-vot qawwi ta’ 61% għall-SDM fl-elezzjoni tal-KSU hu sinjal ċar mill-barometru tal-futur li l-wirt kbir ta’ gvernijiet Nazzjonalisti fl-edukazzjoni jeħtieġ ikun indukrat u mhux mhedded, la bl-esperimentazzjoni u lanqas bl-invażjoni mill-gvern stess fil-privatezza ta’ kull tifel u tifla.