Lokali Saħħa

U-turn oħra fis-Saħħa: Terġa’ tingħalaq is-sala li nfetħet f’San Luqa biex jittaffa l-iffullar f’Mater Dei

F’anqas minn tliet ġimgħat minn meta sar magħruf li l-Gvern beda juża’ parti mill-Isptar San Luqa għall-kura tal-pazjenti, MaltaRightNow.com jista’ jiżvela li s-sala li nfetħet reġgħet ingħalqet. Fit-28 ta’ Marzu li għadda żvelajna li f’tentattiv biex itaffi l-problema ta’ ffullar u sodod fil-kuriduri fl-Isptar Mater Dei, il-Gvern ittrasferixxa pazjenti lejn sala fl-Isptar San Luqa, li kien ilu magħluq għal dawn l-aħħar seba’ snin.

Il-Ministeru tas-Saħħa kien ikkonferma fi stqarrija li pazjenti fuq kura fit-tul intbagħtu fis-sala tal-Physiotherapy u Occupational Therapy, li qabel kienet id-Day Care Unit. Madankollu, issa daħlulna diversi rapporti li jgħidu li din is-sala reġgħet ingħalqet. Din il-mossa kienet saret mingħajr ebda konsultazzjoni u bla ebda pjan u ġibdet il-kritika tal-qraba tal-pazjenti u anke tal-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel (MUMN).

Il-President tal-MUMN Paul Pace kien saħaq li l-ftuħ mill-ġdid ta’ Sptar jitlob pjan serju għall-ġid tal-pazjenti u l-ħaddiema li jaħdmu fl-istess Sptar. Madankollu, din hi xi ħaġa li ma saritx u issa dan joħroġ b’mod aktar evidenti, hekk kif il-Gvern għamel U-turn u reġa’ għalaq din is-sala. Mhux magħruf x’wassal għal din il-U-turn, hekk kif il-Gvern fl-ebda ħin ma ħareġ stqarrija biex jgħid li s-sala reġgħet ingħalqet.

Diversi qraba ta’ pazjenti kienu lmentaw dwar il-kundizzjonijiet li kienu qed jinżammu fihom l-għeżież tagħhom. Fost dawn, kien hemm pazjenti li kienu trasferiti minn Karin Grech lejn is-swali li l-Gvern ħoloq fl-Isptar San Luqa biex is-sodod f’Karin Grech jintużaw għal min qed jinġieb minn Mater Dei.