Lokali

Ċelebrazzjoni fi Pjazza San Ġorġ wara l-approvazzjoni tal-Liġi tal-Unjoni Ċivili

Il-vot tal-bieraħ filgħaxija fil-Parlament biex koppji tal-istess sess ikunu jistgħu jingħaqdu f’Unjoni Ċivili u jistgħu wkoll jadottaw intlaqa’ b’ċelebrazzjonijiet kbar f’Misraħ San Ġorg, fejn kien għaddej kunċert ta’ ċelebrazzjoni organizzat minn numru ta’ għaqdiet, fosthom il-Malta Gay Rights Movement (MGRM).

L-eluf li pparteċipaw f’dan l-ispettaklu mużikali kienu mitluba jilbsu aċċessorji marbutin mat-tiġijiet. Huma ġarrew bżieżaq u bnadar ikkuluriti, bil-qofol tal-attività ntlaħaq hekk kif tħabbar li l-Liġi kienet għaddiet. F’dak il-mument, il-faċċata tal-Palazz Presidenzjali nxtegħlet bil-kuluri tal-qawsalla għall-applaws ta’ dawk kollha preżenti.

F’parodija ta’ ċerimonja tat-tieġ bejn persuni tal-istess sess, inqasam ukoll kejk kbir tal-okkażjoni, b’figurini li juru koppji omosesswali li għadhom kemm iżżewġu. Fl-attività ħadu sehem ukoll numru sabiħ ta’ kantanti u atturi, bl-attività tixxandar ukoll online għal dawk kollha li ma setgħux jattendu.

Preżenti kien hemm ukoll Deputati, li ngħaqdu mal-folla wara li ttieħed il-vot fil-Parlament. Iżda għal xi mumenti, dik li kellha tkun ċelebrazzjoni fl-okkażjoni tal-introduzzjoni tal-Liġi tal-Unjoni Ċivili f’Malta, spiċċat inbidlet f’manifestazzjoni politika. Fil-fatt, il-folla miġbura fil-pjazza, wara li tkellmet iċ-Chairperson tal-MGRM, kienet indirizzata mill-Prim Ministru Joseph Muscat akkumpanjat fuq il-palk mill-Grupp Partlamentari Laburista kollu.

Qabel il-Prim Ministru, tkellmu wkoll il-Ministru Helena Dalli u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Cyrus Engerer, flimkien maċ-Chairman tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola. Iżda, hekk kif l-Oppożizzjoni ħarġet mill-Palazz, mill-folla migbura fil-pjazza nstemgħu nsulti u bbuwjar fil-konfront tal-membri tal-Oppożizzjoni. Dan wassal biex l-Oppożizzjoni ma setgħetx tieħu sehem fl-attività u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għal dan is-settur Claudette Buttigieg m’għamlitx id-diskors li kienet mistiedna tagħmel fuq il-palk.

Dan minkejja li proprju lbieraħ stess il-Parlament approva wkoll Liġi li ressqet hi stess biex id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess tkun ipprojbita bil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.