L-inċident li fih kien involut il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, meta tajjar żewġ żgħażagħ li wieħed minnhom kellu jkun operat minħabba ġrieħi gravi, kien każ ieħor fost ħafna ta’ gvern li r-regola tiegħu hi li jaħbi.
Il-maqlub tat-trasparenza f’każ li fih hu mdaħħal ministru
Il-problema hi li f’dal-każ il-gvern messu aktar mexa bit-trasparenza li darba kien wiegħed, imma li llum saret ċajta, għax dan hu każ gravi li fih weġġgħu tnejn min-nies u li fih hu mdaħħal ministru, li f’dal-każ speċifiku hu l-Ministru tal-Ġustizzja.
Anke jekk jaqbdu ġuvni b’joint joħorġu stqarrija…
Il-ġurnalisti kollha jafu li l-Pulizija jekk taqbad ġuvni b’sempliċi joint ukoll toħroġ stqarrija tgħid li qabdet ġuvni b’sigarett tal-ħaxixa u fejn u kif u x’fatta u kemm għandu żmien u ħafna dettalji oħra. Jekk jaqbduh l-armata f’xi roadblock ukoll joħorġu stqarrija. Imma f’dal-każ, il-Kummissarju tal-Pulizija ħeba bil-qawwi.
… imma lill-Ministru Owen Bonnici jaħbulu
U kieku ma kellu xejn x’jaħbi, il-Ministru Owen Bonnici stess kien joħroġ stqarrija u jinforma lil kulħadd bil-fatti. Imma ħeba għal ħamest ijiem sħaħ. Għax kien biss meta Net TV iddeċieda li jxandar l-informazzjoni, li l-Ministru Owen Bonnici ndenja ruħu jammetti li kien involut f’dal-każ gravi li baqa’ jaħbih sakemm ma setax jagħmel mod ieħor.
Owen Bonnici ħeba sakemm ma setax aktar
U ma kienx trasparenti Owen Bonnici lanqas hu u jammetti. Għax ta x’jifhem li dal-każ irranġah mal-vittma u barra bid-daqq. Imma Owen Bonnici avukat u jaf li hemm il-każ ċivili li hu bejn il-partijiet, imma hemm ukoll il-każ kriminali. U billi dan hu każ ta’ ġrieħi gravi, il-liġi taħseb biex il-Pulizija tressaq kontrih fil-Qorti Kriminali.
Il-liġi taħseb għal akkużi kriminali kontrih
U jkollna l-Ministru tal-Ġustizzja taħt akkuża fil-qrati kriminali tal-pajjiż. Issa l-Prim Ministru Muscat tgħidx kemm qal kliem bombastiku qabel l-elezzjoni biex jimpressjona lil kulħadd kemm se jkun serju u kemm ta’ qablu ma kienx serju.
Ma segwiex l-imġiba ta’ rġulija kbira ta’ Chris Said
Imma fil-gvern ta’ qablu, kien hemm Ministru Chris Said li malli kien hemm l-iċken ħjiel li seta’ jkun hemm każ kontrih fuq kawża li hu darba kien avukat fiha, irriżenja mill-ewwel. Issa dak kien gvern li xejn ma kien serju skont Joseph Muscat u Owen Bonnici.
Mhux talli ma rriżenjax Owen Bonnici, talli ħeba
Imma issa Owen Bonnici ġie bl-għażla quddiemu u x’għamel? Mhux talli ma rriżenjax, minkejja li jista’ jiffaċċja akkużi kriminali, talli ħeba, il-Kummissarju tal-Pulizija ħbielu wkoll, u Owen Bonnici baqa’ jaħbi sakemm ma setax jagħmel mod ieħor.
Għarukaża għal gvern tal-ħabi u għal Owen Bonnici
Għarukaża għal gvern li wiegħed it-trasparenza imma li hu fil-fatt, u f’ħafna ħafna każi, gvern tal-ħabi. U għarukaża għal Owen Bonnici li għadu hemm, Ministru tal-Ġustizzja għal ġieħna, waqt li l-Kummissarju tal-Pulizija qed jiddeċiedi jressqux il-qorti. Għarukaża.