Lokali

Gazzetta Russa tgħid li l-ajruplan tal-Malaysia Airlines li għeb inħataf minn xi terroristi

Il-gazzetta Russa Moskosky Komsomolets żvelat li l-ajruplan tal-Malysia Airlines li għeb fit-8 ta’ Marzu li għadda nħataf minn xi terroristi u ttieħed l-Afganistan. Il-gazzetta Russa żvelat dan, hekk kif fl-Oċean Indjan għadha għaddejja t-tfittxija għall-ajruplan. Skont il-gazzetta, kemm l-ekwipaġġ kif ukoll il-passiġġieri qed jinżammu ostaggi.

Din l-aħbar ma ġiet ikkonfermata mill-ebda awtoritajiet, għalkemm aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed tonqos it-tama li jinstabu l-fdalijiet tal-ajruplan. Fl-aħħar sigħat, tniżżel it-tieni sottomarin, f’attentat li jiġi identifikat il-post fejn hu suspettat li kkraxxja l-ajruplan.

Dan is-sottomarin għandu jagħmel 16-il siegħa jiġbor informazzjoni f’qiegħ il-baħar, bl-ewwel riżultati diġà bdew jiġu analizzati.