Għaxar immigrant mimll-Ghana kienu ripatrijati lejn il-kapitali tal-Ghana, Accra. Dan wara sforzi diplomatiċi tal-Gvern Malti u permezz ta’ applikazzjoni ta’ programm ta’ ripatrijazzjoni tal-Unjoni Ewropea meta immigranti ma jkunux ingħataw stat ta’ ażil jew protezzjoni.
Fi stqarrija, il-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qal li t-titjira telqet minn Malta illum u kienet organizzata mill-Pulizija tal-Immigrazzjoni. L-immigranti kienu akkumpanjati minn numru ta’ pulizija. It-titjira KM 7488 tal-Air Malta telqet fis-2.30am u issa l-immigranti waslu fid-destinazzjoni tagħhom.
Din it-titjira setgħet isseħħ wara li fil-ġimgħat li għaddew, il-Pulizija flimkien mal-Gvern, irċeviet numru ta’ dokumenti ta’ identità tal-immigranti mill-awtoritajiet tal-Ghana.
Dan sar wara stedina biex rappreżentanti tal-Ambaxxata tal-Ghana fi Tripli setgħu jiġu Malta u jagħmlu l-verifiki tagħhom għal dan l-iskop.
Parti sostanzjali mill-ispejjeż ta’ din it-titjira jinħarġu minn fondi Ewropej. Ġie assigurat li l-persuni ripatrijati jkunu mħarsa u trattati b’mod dinjituż skont id-drittijiet tal-bniedem.
Fil-ġimgħat li għaddew il-Prim Ministru kellu laqgħa bilaterali mal-President tal-Ghana waqt is-Summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika, fejn ġiet diskussa l-kwistjoni ta’ ripatrijazzjoni ta’ persuni mill-Ghana li ma jingħatawx status ta’ ażil.
Ritratt mill-arkivji
//= $special ?>

