Lokali

Impenn mill-President f’dak kollu li qed ikun diskuss fil-Parlament

“Nixtieq li l-Uffiċċju tal-President ikun aġġornat iżjed f’dak kollu li jkun diskuss fil-Kamra tar-Rapprezentanti u fil-Kumitati Permanenti u Magħżula tal-Parlament.”

Dan sostnietu l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca waqt zjara ta’ kortesija li hi kellha mill-Uffiċċju tal-Ispeaker fil-Palazz il-Belt ilbieraħ wara nofsinhar.

L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia kien akkumpanjat mid-Deputat Speaker Ċensu Galea u mill-Iskrivan tal-Kamra tar-Rappreżentanti Ray Scicluna.

Il-President Coleiro Preca ssuġġeriet li wara li l-abbozzi ta’ liġijiet jkunu ppreżentati formalment fl-Ewwel Qari, jkunu għad-dispożizzjoni tagħha fl-istadji ta’ wara biex tkun taf x’ġie diskuss, qabel ma jkunu approvati minnha stess.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia appoġġja din l-idea u stqarr li din il-proċedura għandha tidħol fis-seħħ illum qabel għada.
Hu faħħar din l-inizjattiva u żied li se jkun qed japprezza l-impenn mill-Uffiċċju tal-President fl-iżvilupp tal-abbozzi ta’ liġijiet fit-Tieni Qari tagħhom u fl-istadju ta’ Kumitat.

Anglu Farrugia qed iħares ‘il quddiem lejn it-twettiq ta’ dan il-kontribut mill-Presidenza – kontribut li jawgura tajjeb għax se jkun wieħed attiv.

Il-membri tal-ġudikatura, immexxija mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri, ukoll għamlu żjara ta’ kortesija lill-President ta’ Malta fil-Palazz ilbieraħ wara nofsinhar.
Il-Prim Imhallef fisser kif hu jinsab fiduċjuż li l-President Coleiro Preca se taqdi r-rwol tagħha b’korrettezza u b’dinjita’. Hu saħaq li l-ġudikatura se tkun qed taqdi dmirha b’lealta’ lejn il-Presidenza.

Il-Prim Imħallef stqarr, iżda, li l-ġudikatura qed tkun kritikata wisq mill-pubbliku u qal li hu faċli li wieħed jikkritika d-deċiżjonijiet tal-Qrati mingħajr ma wieħed jara x’inhuma r-raġunijiet. Hu qal li d-dewmien fil-qtugħ tal-każijiet qed iseħħ minħabba l-esiġenzi tal-liġi u mhux minħabba l-ġudikanti.

Il-President Coleiro Preca qalet li l-ġudikatura hi waħda mill-pilastri fit-tmexxija tal-pajjiż fejn il-poplu jrid iserraħ moħħu li qed jgħix fi stat ħieles.

Hi saħqet biex il-ġudikatura taqdi dmirha bl-aktar mod ġust filwaqt li żiedet li r-riformi bżonnjużi f’din l-istituzzjoni, għandhom isaħħu l-ġustizzja soċjali ħalli d-drittijiet tal-bniedem ikunu mħarsa.

Intant il-President ta’ Malta kellha żjarat oħrajn ta’ kortesija min-Nunzju Appostoliku f’Malta Aldo Cavalli lbieraħ filgħodu kif ukoll mill-Isqof ta’ Ghawdex Mario Grech nhar it-Tnejn.