Lokali

Jitressaq is-seba’ eks ħaddiem tal-Enemalta mixli bit-tbagħbis fl-isklandlu tal-iSmart Meters

Quddiem il-Maġistrat Anthony Vella tressaq is-seba’ eks ħaddiem tal-Enemalta mixli bl-iskandlu tat-tbagħbis fl-iSmart Meters. Anthony Pace, ta’ 43 sena mill-Mosta, ġie mixli li ffroda lill-Korporazzjoni Enemalta, fejn qed jiġi allegat li nstalla Smart Meters li kienu mbagħbsa bil-għan li jaqraw anqas konsum.

Hu ġie mixli li aċċetta flus biex iwettaq dan ir-reat u għalhekk ġie mixli bi frodi fil-konfront tal-Enemalta. L-Ispetturi Roderick Zammit u Daniel Zammit qalu fil-Qorti li fl-aħħar xhur Pace kien ġie nterrogat mill-Pulizija u issa jemmnu li hemm biżżejjed provi biex dan jiġi pproċessat fil-Qorti.

L-avukat Arthur Azzopardi talab il-libertà proviżorja għal Pace u argumenta li f’każijiet relatati ma’ proċeduri simili, li fihom l-akkużati m’ammettewx, dawn ingħataw il-libertà proviżorja. Il-Prosekuzzjoni m’opponietx it-talba tad-Difiża għax qalet li meta kienet qed topponi kien hemm l-iskema biex wieħed jirregola ruħu għadha għaddejja, filwaqt li issa din l-iskema ingħalqet u għalhekk ma għadx hemm il-biża’ li jiġu kontaminati l-provi.

L-avukat Azzopardi qal ukoll li, sadanittant, Pace kien ilu bil-police bail għal dawn l-aħħar xahrejn u qatt ma kien hemm ilmenti minn xi ħadd li, pereżempju, ipprova jkellem lil xi ħadd b’rabta mal-każ. Il-Qorti semgħet ukoll kif l-akkużat qatt ma vvjaġġa għax lanqas biss għandu Passaport. Barra minhekk, f’Malta hu jgħix ma’ martu u t-tliet uliedu u għalhekk mhemmx il-biża’ li jaħrab minn Malta.

Bħall-akkużati kollha f’dawn il-każijiet, Pace ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €1,500 u garanzija personali ta’ €8,500. Flimkien mal-avukat Arthur Azzopardi, l-avukat Kathleen Grima dehret għall-akkużat.