L-Avukat Ġenerali mistenni jappella mis-sentenza li ngħataw Franċiż u bintu minħabba li l-piena ma tirriflettix kif ġiet emendata l-Liġi dan l-aħħar, jiġifieri li min iħebb għall-Pulizija jew Uffiċjal tal-Pulizija jingħata piena aktar ħarxa milli kienet sa ftit ilu.
Dan wara li Franċiż ta’ 47 sena ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, filwaqt li bintu ta’ 20 sena kienet illiberata bil-kundizzjoni li ma tagħmilx reat ieħor fi żmien sentejn, wara li ammettew li kienu nvoluti fi ġlieda ma’ turisti Ingliżi. Il-Franċiż ammetta wkoll li kiser imnieħer Kuntistabbli tal-Pulizija wara li tah daqqa ta’ ras.
Permezz ta’ Private Member’s Bill imressqa mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, kienet ġiet emendata l-Liġi biex kull min jinstab ħati li offenda, ħebb jew ikkawża feriti fuq membri tal-Korp tal-Pulizija jingħata piena li tirrifletti l-akkuża. Dan biex tingħata aktar dinjità lil persuni li xogħolhom hu li jipproteġu s-soċjetà Maltija.
Jean Luis Genolet u bintu Morgane Genolet ammettew li qalgħu l-inkwiet fil-lukanda Mellieħa Bay. Il-Pulizija mir-Rapid Intervetnion Unit sofra ksur f’imnieħru wara li kien qed jipprova jwaqqaf ġlieda bejn il-ħames barranin matul il-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn li għaddew.
Jirriżulta li kien għall-ħabta tas-1.30am, fil-lukanda li tinsab fi Triq il-Marfa, li r-raġel Franċiż u bintu, kif ukoll tliet Ingliżi, żewġ nisa ta’ 73 u 54 sena flimkien ma’ raġel ta’ 34 sena, ġew fl-idejn waqt argument. Kien f’dak il-ħin li l-impjegati tal-lukanda ċemplu lill-Pulizija għall-għajnuna. Fil-post waslu mmedjatament żewġ Pulizija mir-RIU, b’wieħed minnhom spiċċa ferut. Jirriżulta li waqt il-ġlieda, anke l-Franċiż u t-tliet Ingliżi weġġgħu, għalkemm sofrew biss feriti ħfief.
Il-Franċiż ammetta wkoll li hu u bintu ħebbew għat-turisti Ingliżi u kkaġunawlhom feriti ħfief, kif ukoll li hu kien liebes indiċenti f’post pubbliku, li kien fis-sakra u li kiser il-paċi pubblika. Anke bintu ammettiet li kienet fis-sakra u li bħala m’obdietx l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sandra Zammit.
//= $special ?>

