Lokali Unjoni Ewropea

L-Avviż Legali tal-Gvern biex jiġbor informazzjoni dwar l-istudenti hu ‘preċedent perikoluż’ – David Casa

L-Avviż Legali bi ġbir ta’ informazzjoni dwar l-istudenti hu preċedent perikoluż. Hekk iddeskrivieh, fi stqarrija, il-Membru Parlamentari Ewropew u kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa. L-MEP qal li mhux ċar għaliex il-Ministru qed juża’ l-iskuża ta’ ‘riċerka’ biex jiġbor informazzjoni li tidentifika min huma l-istudenti.

Qal li dan l-Avviż Legali jmur kontra d-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Data, kif ukoll kontra d-dritt fundamentali għall-privatezza tal-persuna fil-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, li pajjiżna hu firmatarju tagħha.

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew qal li l-Avviż Legali joħloq ukoll mistoqsijiet serji għaliex il-Gvern baqa’ ma ddefinixxiex biċ-ċar it-terminu ‘riċerka’. Għall-kuntrarju, ir-‘riċerka’ li qed jinftiehem li jrid l-Ministru tal-Edukazzjoni tista’ faċilment tinkiseb minn informazzjoni anonima.