Lokali

Oppożizzjoni minn Kumitat ta’ Azzjoni f’Santa Luċija għall-iżvilupp ta’ dar tal-anzjani f’Wied Garnaw

Ir-residenti ta’ Santa Luċija waqqfu Kumitat ta’ Azzjoni li qed jopponi l-iżvilupp ta’ dar tal-anzjani f’żona ‘l barra mill-iżvilupp f’Wied Garnaw. L-applikazzjoni għal dan il-bini saret mill-Perit Robert Sarsero, li minbarra li nħatar Chairman tal-Freeport, hu wkoll membru fuq il-Bord tal-Appell tal-MEPA.

Ir-residenti ta’ Santa Luċija qed jopponu dan l-iżvilupp li qed jiġi propost li jsir f’żona ta’ 4,500m ta’ art ODZ viċin Triq Luqa. Huma bdew ukoll petizzjoni, li fi ftit jiem qabżet l-1,000 firma, filwaqt li bagħtu wkoll ittra lill-amministrazzjoni tal-MEPA.

L-FAA b’appell ieħor biex jitwaqqaf l-iżvilupp ftit bogħod minn Ta’ Ħaġrat

Sadanittant, f’każ ieħor li issa ilu jiddomina l-aħbarijiet għal dawn l-aħħar xhur, il-Fondazzjoni Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) għamlet appell ieħor biex jitwaqqaf l-iżvilupp li ngħata l-permess biex isir 20m biss ‘il bogħod mis-sit Ta’ Ħaġrat fl-Imġarr, li hu rikonoxxut mill-UNESCO.

L-FAA, flimkien mal-Assoċjazzjoni tar-Ramblers, għamlu l-aħħar appell tagħhom minn sensiela fl-aħħar ġimgħat lill-Gvern u lill-MEPA, lil Heritage Malta, lis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u lill-Kunsill Lokali tal-Imġarr biex jieħdu kull azzjoni possibli ħalli dan l-iżvilupp ma jseħħx. L-FAA fakkret li f’erba’ ċirkustanzi differenti, fil-passat, ġew irrifjutati talbiet għal permessi biex isir l-iżvilupp f’din iż-żona, li hi magħrufa bħala buffer zone mat-Tempji Ta’ Ħaġrat.

Wirt iż-Żejtun tikkundanna l-qerda tas-siġar fil-Pjazza ta’ ħdejn il-Knisja ta’ San Girgor

F’każ ieħor relatat mal-ambjent, l-NGO Wirt iż-Żejtun ikkundannat il-qerda tas-siġar fil-Pjazza ta’ ħdejn il-Knisja antika ta’ San Girgor. Fi stqarrija, Wirt iż-Żejtun qalet li min ikkummissjona dan ix-xogħol u min għamlu m’għandux idea kif isir iż-żbir tas-siġar u lanqas kien jaf li s-siġar taż-żnuber ma jinżabrux. MaltaRightNow.com jinsab infurmat li l-Kunsill Lokali ma kienx infurmat dwar dan ix-xogħol u mhux magħruf jekk il-proċess taż-żbir sarx bl-approvazzjoni tal-MEPA.