Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, b’għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea, se jkun qed jaħdem fuq proġett ta’ rijabilitazzjoni taż-żona tas-Salib tal-Għolja. Is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina qal li l-proġett se jkun maqsum fi tliet partijiet: il-pavimentar li mill-bidu tat-telgħa jwassal sa fuq l-Għolja, il-pavimentar tal-passaġġ fuq in-naħa ta’ wara tal-Għolja li jkun użat ħafna mill-bdiewa li għandhom l-għelieqi fil-qrib, u r-rijabilitazzjoni taż-żona qrib il-Kappella biex ikun hemm iżjed aċċessibbiltà.
Karol Aquilina fisser li l-iskop tar-rijabilitazzjoni hu biex iż-żona ta’ ħdejn is-Salib tiġbed lill-Maltin u lit-turisti biex japprezzaw il-ġmiel tal-kampanja u l-veduti mill-isbaħ. Ghaldaqstant, il-Kunsill se jkun qed jarma diversi stands, li mbagħad jistgħu jkunu żarmati, biex jagħti importanza lill-biedja u lill-kultivazzjoni tal-għelieqi. Is-Sindku tas-Siġġiewi appella lill-Gvern u lill-Knisja biex isir intervent malajr kemm jista’ jkun fuq il-Kappella tal-Lunzjata, biswit is-Salib tal-Għolja. Dan għax din il-Kappella storika, li nbniet fl-1430, tinsab f’qagħda kritika ħafna u diġà waqgħet xi ħames darbiet.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej Ian Borg tkellem dwar l-importanza tal-Fond għall-Iżvilupp Rurali u spjega li l-proġett tal-Kunsill tas-Siggiewi se jkun amministrat mill-Grupp Azzjoni Lokali għall-Majjistral ta’ Malta. Borg irrefera għall-proġett “Leader” tal-Unjoni Ewropea, li minnu Malta bbenefikat minn €4 miljun f’seba’ snin. Hu qal li dan il-baġit se jiżdied bi €3 miljun oħra.
Sadanittant, fil-konferenza tal-aħbarijiet tnediet l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Via Sagra u l-Mixegħla tas-Salib tal-Għolja, li ssir f’Ħamis ix-Xirka u li ilha attrazzjoni fil-Ġimgħa Mqaddsa għal dawn l-aħħar 20 sena. Minbarra l-Kunsill Lokali, f’din l-attività qed jieħdu sehem il-Grupp tal-Festa tal-Madonna tal-Providenza li jieħu ħsieb jarma d-dawl ta’ fuq is-Salib, il-Każin tal-Banda San Nikola li jieħu ħsieb il-fjakkoli madwar l-Għolja tas-Salib, kif ukoll il-Grupp tal-Armar 6 ta’ Diċembru li jieħu ħsieb il-fjakkoli fi Pjazza San Nikola u fuq iz-Zuntier tal-Knisja f’Ħamis ix-Xirka.
//= $special ?>
