Lokali

Proposta ta’ policy ġdida għall- pompi tal-fjuwil

Policy ġdida b’linji gwida, li jinsabu fi stadju ta’ abbozz u li se jitpoġġew għall-konsultazzjoni pubblika mill-Awtorita’ Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), qed jipproponu li pompi tal-fjuwil ġodda jkunu lokalizzati ‘il barra miċ-ċentru u l-qalba tal-irħula u ‘l bogħod minn zoni residenzjali. Iżda l-pompi tal-petrol eżistenti mhumiex se joħorġu minn fejn huma bħalissa.

Frans Mallia, l-Assistent Direttur tal-Ippjanar fil-MEPA qal li din il-policy qed tipproponi li, preferibbilment, il-pompi tal-petrol għandhom ikunu lokalizzati f’żoni industrijali, f’siti ta’ intrapriżi żgħar u medji, f’zoni miftuħa għall-ħażna u f’zoni oħrajn imsemmija għall-iżvilupp li mhumiex intenzjonati biex isir żvilupp residenzjali fihom.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-MEPA, intqal li llum hawn xi 70 pompa tal-petrol f’Malta u li minnhom 22 jinsabu fiċ-ċentru tal-irħula.

Il-politika proposta mhix se tisforza t-trasferiment tal-pompi tal-fjuwil li bħalissa jinsabu fiċ-ċentru tal-irħula, iżda se jservu ta’ linja gwida għar-rilokazzjoni.

Frans Mallia żied li m’hemmx limitu fuq in-numru ta’ pompi tal-petrol li jitħallew joperaw f’Malta. Kundizzjonijiet oħrajn jispeċifikaw li pompi tal-fjuwil ġodda mhux se jitħallew jaħdmu fi ħdan medda ta’ 300 metru mill-boreholes jew xi 500 metru ‘l bogħod mill-eqreb pompa.

Il-policy tintroduċi numru ta’ standards dwar id-disinn u l-ippjanar ta’ aċċess aktar sikur għall-vetturi ġewwa l-pompi tal-petrol.

Salvagwardji addizzjonali huma inklużi biex l-iżvilupp, fost oħrajn, jirrispetta l-kuntest tal-madwar u tal-ambjent.

Sabiex ikun indirizzat l-abbuż, li jista’ jsir minn pompi tal-fjuwil ezistenti u li jinsabu fiz-Zona ‘l Barra mill-Iżvilupp, li jitolbu biex parzjalment jew b’mod sħiħ ibiddlu l-użu ta’ pompa tal-fjuwil għal użu mhux relatat mal-fjuwil, il-policy tagħmilha ċara li talbiet ta’ dan it-tip mhux se jkunu kkunsidrati.

Il-policy tirrakkomanda wkoll li l-entitajiet kollha kkonċernati jkunu kkonsultati waqt l-ipproċessar ta’ kull applikazzjoni tal-ippjanar għal pompi tal-fjuwil.

Il-perijodu tal-konsultazzjoni jagħlaq fis-6 ta’ Ġunju 2014.