Internazzjonali

Ukrajna: L-UE u l-Istati Uniti lesti jżidu aktar imponimenti fuq ir-Russja

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti qed jgħidu li se jimponu aktar spejjeż lir-Russja dwar l-azzjonijiet tagħha fl-Ukrajna, hekk kif l-inkwiet politiku ppersista fil-lvant tal-pajjiż. Il-Ministri għall-Affarijiet Barranin Ewropej ilbieraħ qalu li kienu se jelenkaw lista ta’ ismijiet li huma fil-mira ta’ sanzjonijiet mill-UE.

It-tensjoni qed tkompli tikber fl-Ukrajna, bl-attivisti favur ir-Russja jokkupaw binjiet f’aktar bliet fil-Lvant tal-pajjiż. Barra minn hekk, l-Istati Uniti qalet li ajruplan militari Russu ttajjar fil-baxx, għal iżjed minn darba, fuq bastiment navali Amerikan fil-Baħar l-Iswed.

Sadanittant, il-Kremlin qal li t-taqlib politiku fil-lvant tal-Ukrajna hu riżultat ta’ nuqqas ta’ rieda u inabbiltà fit-tmexxija fi Kjev biex tikkunsidra l-interessi tal-popolazzjoni li titkellem bir-Russu. Min-naħa l-oħra, il-White House qalet li l-President Amerikan Barack Obama saħaq mal-President Russu Vladimir Putin dwar it-tħassib serju rigward l-appoġġ Russu għal separatisti armati.

Obama appella lil Putin biex juża’ l-poter tiegħu u jikkonvinċi lil gruppi favur Moska biex iħallu l-binjiet okkupati minnhom.