Lokali

Dikjarazzjoni ġuramentata dwar l-istejjer li Anton Refalo kien sejjaħ lura l-vapur t’Għawdex

B’riferenza għall-istejjer li konna għamilna f’Settembru kif ukoll għall-istqarrija li kienet ħarġet il-kelliema tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Giovanna Debono dwar il-każ tal-vapur t’Għawdex li ġie msejjaħ lura biex jiġbor lill-Ministru Anton Refalo, huwa kien fetaħ tliet kawżi ta’ libell.

F’dawn l-istejjer kien allegat li l-Ministru kien sejjaħ personalment lura l-vapur tal-Gozo Channel MV Gaudos fiċ-Ċirkewwa biex jgħabbi lilu u lil xi passiġġieri oħrajn.

B’rabta ma’ dan, Media.Link Communications u d-deputata Nazzjonalista Giovanna Debono qed jaċċettaw id-dikjarazzjoni ġuramentata li għamel il-Ministru Refalo li għalkemm ċempel lill-uffiċjal tal-Gozo Channel dwar it-tluq tal-vapur vojt miċ-Ċirkewwa, ma kienx hu li sejjaħ lura l-vapur imma kien l-uffiċjal tal-Gozo Channel li ordna li l-Gaudos jirritorna biex jiġbru lilu u lill-passiġġieri l-oħra mingħajr ma informa lill-Ministru li se jagħmel dan.

Media.Link Communications għalhekk qiegħda formalment tirtira l-allegazzjonijiet kontra l-Ministru Refalo u tiskuża ruħha għal dak li ġara.